Ġiet estiża l-iSkills Development Scheme, imfassla biex tixpruna t-tkabbir tan-negozji u l-industriji f’pajjiżna.
Fuq medda ta’ sentejn, din l-iskema diġà għenet ’il fuq minn 100 benefiċċjarju, b’investiment li jammonta għal €5 miljun.
Din l-iskema issa ġiet ukoll aġġornata, hekk kif se tkopri sa 70% tal-ispejjeż tat-taħriġ, fosthom il-pagi tal-ħaddiema fl-istess perjodu ta’ taħriġ.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u ċ-Chairperson tal-Malta Enterprise, William Wait, waqt li preżentazzjoni dettaljata tal-iskema ngħatat mill-Kap Eżekuttiv ta’ din l-entità, Kurt Farrugia.
Ġie spjegat kif din l-iskema jistgħu jibbenefikaw minnha intrapriżi żgħar u medji u anke kumpaniji kbar.
Intqal li l-appoġġ finanzjarju huwa primarjament f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa, iżda jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll għotjiet ta’ flus.
Din l-inizjattiva hi maħsuba biex tappoġġja taħriġ li jkompli jtejjeb il-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern qed jikkonferma mill-ġdid l-impenn li jinkoraġġixxi titjib tal-ħiliet u li jixpruna t-tkabbir ekonomiku f’Malta.
Qalet, “Il-ħaddiema huma l-aktar riżorsa importanti f’pajjiżna, u għall-kumpaniji tagħna, u nemmen li b’dan il-mod nistgħu nkomplu nħarrġu lill-ħaddiema tagħna, b’mod partikolari fejn tidħol it-transizzjoni diġitali, u fejn tidħol ukoll it-transizzjoni sostenibbli, biex ikollna aktar kumpaniji li huma ambjentalment sostenibbli f’pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Malta Enterprise qal li, bħala korporazzjoni, qed jiffokaw ukoll fuq it-titjib tal-ħiliet tal-komunikazzjoni, il-ħiliet diġitali u għajnuna għall-kumpaniji fit-trawwim tas-sostenibbiltà fost l-impjegati.
Qal, “Ovvjament nieħu l-opportunità li ninkoraġġixxi lill-klijenti tal-Malta Enterprise biex jagħmlu użu minn din l-iskema u skemi oħrajn. Il-bieb tal-Malta Enterprise hu dejjem miftuħ.”
Il-kumpaniji eliġibbli, jrid ikollhom operat attiv fl-ekonomija lokali u jkunu rreġistrati mal-Malta Business Registry.
L-applikanti jeħtieġ ikunu qed joperaw f’attivitajiet li jaqblu mal-għanijiet tal-iskema, kif ukoll il-konformità mar-regolamenti tal-VAT, tat-Taxxa tad-Dħul u tas-Sigurtà Soċjali hi obbligatorja.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit maltaenterprise.com jew jikkuntattja lill-korporazzjoni fuq info@businessfirst.com.