Kienu bosta li wara l-kunċert tal-kantant Robbie Williams, ilbieraħ fuq il-Fosos, faħħru lill-kantant, anke għall-atmosfera li huwa kapaċi joħloq u l-mod li bih interaġixxa mal-udjenza.
Iżda, hekk kif spiċċa l-kunċer kien imiss ukoll lil Williams, sabiex jgħaddi messaġġ, b’rabta ma’ din is-serata li għaliha attendew mal-20,000 persuna.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Williams qal li f’Malta, huwa esperjenza wieħed mill-aktar kunċerti għal qalbu.
Huwa temm jirringrazzja lill-poplu Malti, talli laqgħu b’tant entużjażmu anke hekk kif din kienet l-ewwel darba li żar pajjiżna.
Fil-fatt, tul il-kunċert, huwa mhux biss qata’ x-xewqat ta’ diversi Maltin, billi saħansitra ddedika kanzunetti għalihom, iżda wkoll faħħar lil pajjiżna, tant li qal li se jgħid lil kulħadd b’pajjiżna.
Waqt il-kunċert, Williams, saħansitra għolla l-flokk tat-tim nazzjonali tal-futbol ta’ pajjiżna.
L-artista Ingliż Robbie Williams ta spettaklu mill-isbaħ lill-bosta Maltin u turisti li ġew jassistu għal dan il-kunċert bħala parti mit-tour li qed jagħmel bl-isem ta’ XXV. Dan biex jiċċelebra 25 sena ta’ suċċessi fil-karriera solista tiegħu.
Fuq il-palk armat huwa kanta kanzunetti mir-ripertorju b’saħħtu li għandu bi spettaklu animat anki bi grupp ta’ żeffiena u live band. Qabel Robbie Williams beda l-kunċert kien hemm is-sehem ta’ talent lokali, b’Red Electric u Shaun Farrugia wkoll janimaw lill-folla preżenti.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif dawn it-tip ta’ avvenimenti jkomplu jsaħħu l-offerta li joffri pajjiżna lid-dinja turistika.