Għal darb’oħra l-midja Nazzjonalista nqabdet tigdeb, bil-ħsieb li tipprova tiskredita r-riżultati pożittivi li qed jikseb pajjiżna, waqt li xxejjen il-ħidma tal-Gvern Laburista, din id-darba fis-settur tal-gaming.
Nhar il-Ħamis, in-NET irrapporta li l-kumpanija Hero Gaming se tagħlaq il-bibien tagħha f’pajjiżna, tkeċċi l-ħaddiema, u tirriloka f’xi pajjiż ieħor.
Minkejja dan, l-istorja vvintata fuq informazzjoni li qalu li waslitilhom, tan-NET ġew imgiddbin kategorikament mill-kumpanija nnifisha, li saħqet li rali rapportaġġ ma juri l-ebda rispett lejn il-ħaddiema tagħha f’Malta.
Fi dritt ta’ risposta, skont il-Liġi tal-Istampa, in-NET kien obbligat jirrapporta dikjarazzjoni tal-kumpanija bil-fatti kif fil-fatt huma l-għada li ħarġet l-istorja u fejn jirriżulta li din ma kienet xejn għajr gidba oħra.
Hero Gaming qalet ċar u tond li mhix se tagħlaq il-bibien tagħha u lanqas ma kien hemm xi ħaddiema li tkeċċew.
Ġie ċċarat li membri fit-tmexxija tal-kumpanija, li ma baqgħux jaħdmu fi ħdanha, irriżenjaw huma stess minn jeddhom.
F’settur, li fl-aħħar snin baqa’ jikber bla preċedent f’pajjiżna, minkejja l-isfidi u minkejja t-twerwir minn esponenti tal-istess Partit fl-Oppożizzjoni, l-opportunitajiet ta’ xogħol huma kbar.
Mhux hekk biss, iżda l-kumpanija Hero Gaming widdbet lil tan-NET u uriet id-diżappunt lejn din l-allegazzjoni bla bażi, hekk kif ma wrew l-ebda rispett lejn l-impjegati fi ħdanha.
Tenniet li kull forma ta’ artikli għandhom jiġu ppubblikati b’responsabbiltà, speċjalment lejn ħaddiema Maltin li jibbenefikaw minn dan is-settur. “Dan l-artiklu ma jagħmel l-ebda għajb u għandna nesiġu kwalità aħjar”, qalet Hero Gaming fid-dritt ta’ risposta tagħha.
Għalkemm il-kumpanija talbet bidla f’dak ippubblikat biex l-artiklu jirrifletti r-realtà, mingħajr dewmien, l-artiklu għadu pubbliku fuq il-midja soċjali, kif skopra ONE News.
B’hekk dan ikompli juri biċ-ċar li l-midja Nazzjonalista lesta tigdeb u tqarraq, anke għad-detriment ta’ ħaddiema Maltin, sempliċiment biex tipprova tiskorja punti politiċi fi żmien li l-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija tiegħu jinsabu fi kriżi.
Dan hekk kif użaw din il-gidba biex jallegaw li l-Partit Laburista naqas milli jimxi mal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u pprovaw jagħtu l-impressjoni li s-settur tal-gaming ħa xi majnata qawwija, anke jekk ir-riżultati jgiddbuhom kompletament.