Minkejja ż-żminijiet ta’ sfidi kbar fil-kontinent Ewropew, il‑Bank Ċentrali qed jantiċipa li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber b’differenza ta’ pajjiżi oħrajn, hekk kif il‑Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna mistenni jirreġistra żieda ta’ 3.7% din is‑sena u 3.6% matul l-2024 u l-2025.
Waqt li pajjiżi oħrajn, inklużi fiż-Żona Ewro, qed jirreġistraw tkabbir ferm inqas minn pajjiżna, it-tbassir il-ġdid tal-Bank Ċentrali juri kif dan it-tkabbir aktar moderat għal pajjiżna, b’rata inqas minn dik ta’ ftit aktar minn 7% is-sena l-oħra, hu wieħed qawwi fiċ-ċirkostanzi attwali li qed tgħix l-Ewropa, b’riżultat tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Fost oħrajn, il-konflitt fil-Lvant tal-Ewropa wassal għall-kriżi fl-enerġija fejn diversi pajjiżi spiċċaw għarkupptejhom, waqt li għabbew l-akbar piżijiet direttament fuq il-popli tagħhom.
Dan bil-maqlub għal dak li seħħ f’Malta, fejn il-Gvern assorba kull żieda li kien hemm fil-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali. Kif żvelat mill-gazzetta KullĦadd, sa Ġunju li għadda dawn ammontaw għal aktar minn €514-il miljun li ġew iffrankati lill-familji u n-negozji.
Minkejja dan il-piż enormi, li kellu jinġarr mill-Istat, il-finanzi pubbliċi xorta waħda jinsabu f’livelli aċċettabbli skont l-istandards Ewropej.
Fil-fatt, skont l-esperti tal-Bank Ċentrali f’dan l-aħħar tbassir tagħhom, id-defiċit tal-Gvern mistenni jkompli jonqos sal-2025, filwaqt li d-dejn jiżdied bi ftit għal-livell ta’ 54.7% għalkemm xorta taħt is-60% kif jesiġu r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea fit-Trattat ta’ Maastricht.
Filfatt l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali ħassew li kellhom itejbu t-tbassir tagħhom tal-andament fiskali meta mqabbel ma’ tbassir preċedenti.
Il-Bank Ċentrali spjega kif fl-2023, l-esportazzjoni netta mistennija tkun il-kontributur ewlieni għat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross, b’iżjed kontribuzzjonijiet pożittivi mill-konsumaturi, li mhux iġorru piżijiet straordinarji meta mqabblin ma’ ġnus oħrajn.
Il-Gvern diġà ħabbar li biħsiebu jżomm l-istess politika biex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli, dan hekk kif hu indikat li tali pressjonijiet internazzjonali mistennija jkomplu jonqsu.
L-istess domanda domestika mistennija tixpruna t-tkabbir anke s-sena d-dieħla.