Il-Partit Nazzjonalista għaddej bl-istess tattiċi immontati mill-establishment dwar l-elezzjonijiet.
L-elezzjonijiet f’Malta huma regolati, skont il-Kostituzzjoni, mill-Kummissjoni Elettorali, li fuqha hemm ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi, waqt li dawn jiġu osservati wkoll minn osservaturi ta’ istituzzjonijiet internazzjonali.
It-tattiċi dwar l-elezzjonijiet ilhom isiru minn Kapijiet differenti tal-Partit Nazzjonalista u anke esponenti ewlenin tiegħu, li jagħmlu parti mill-istess fazzjoni tal-establishment.
Fil-fatt, f’nofs dagħdigħa, fil-kampanja elettorali tal-2017, il-Kap ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil kien implika wkoll akkużi relatati mad-dokument tal-vot.
“Jirriżulta li dan id-dokument qisu, l-ewwelnett biċċa perpura, kif tarah tgħid din xi ħaġa mhux serja, imma ħalliha dik. Id-dokument suppost ikollu security features. Jekk taqbad tajjara, b’naqra spirtu, naqra surgical spirit, li kulħadd ikollu d-dar, tista’ tħassar kollox kull mhemm fid-dokument tal-vot u ġġibu dokument vojt.”
Simon Busuttil – Eks Kap tal-PN
Din in-narrattiva kien imbottaha wkoll Beppe Fenech Adami, dak iż-żmien Viċi Kap tal-PN.
“Faċilment tiżżelleġ, faċilment titneħħa, anke b’sempliċiment difrejk, b’girfa, anke sempliċiment tintmesaħ b’xi spirtu.”
Beppe Fenech Adami – Eks Viċi Kap tal-PN
Simon Busuttil, li kien tilef l-elezzjoni ġenerali b’distakk ta’ sitta u tletin elf vot, kien qal hekk mal-midja wara l-elezzjoni.
Ġurnalist: “Do you think that the election victory of 2017 a fraudulent victory?”
Simon Busuttil: “Absolutely. It was a fraudulent victory.”
L-istess Partit Nazzjonalista uża tattiċi li jitfa’ t-tajn u d-dubji permezz ta’ Jason Azzopardi, il-perċimess tal-klikka magħrufa bħala tal-Blue Heroes.
Fil-Parlament kien qal li qed jinxtraw il-voti.
Fl-aħħar snin, anke l-Kap attwali, Bernard Grech, kompla b’din id-diska mġenġla u xhur wara li tilef l-elezzjoni ġenerali li għaddiet bl-akbar distakk mill-Indipendenza lil hawn, kien saħansitra ddikjara hekk f’diskors wara l-preżentazzjoni tal-Baġit.
“Dan hu dejn li seta’ ma sarx biex jixtri l-elezzjoni.”
Bernard Grech- Kap tal-PN
Fi stqarrija, b’rabta ma’ dak li l-Partit Nazzjonalista qal f’dawn il-jiem dwar l-elezzjonijiet, il-Partit Laburista nnota li din mhux l-ewwel darba li fl-aħħar snin dan għamel allegazzjonijiet simili.
“Kulħadd jiftakar lill-Partit Nazzjonalista jgħid li d-dokumenti tal-vot kienu qed jitħassru”, fakkar il-Partit Laburista, filwaqt li saħaq li mhux l-ewwel darba li dan għamel tiegħu allegazzjonijiet ta’ ħaddieħor, biex imbagħad spiċċa skreditat bħall-allegazzjoni nnifisha.
Il-Partit Laburista qal li quddiem Kap Nazzjonalista fi kriżi, għax lanqas fi ħwejjeġ il-partit tiegħu stess ma’ jista’ jidħol, il-poplu fehem, meta ntalab biex jiddeċiedi, li l-PN ma nbidilx u reġa’ m’offra xejn konkret għal pajjiżna.
“Ħasra li minn dakinhar, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidilx u għadu juża l-istess tattiċi billi jivvinta jew iwaħħal fil-poplu li għażel ħażin”, qal il-Partit Laburista.