Il-Pulizija bħalissa tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ allegat argument bejn żewġ xufiera fit-terminal taċ-Ċirkewwa.
L-argument allegatament inqala’ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija bejn l-allegat vittma li hu identifikat bħala raġel ta’ 64 sena mill-Għargħur, li ddaħħal l-isptar u l-aggressur li s’issa għadu ma ġiex identifikat.
Hu mifhum li l-Pulizija għandha aċċess għall-filmati minn cameras tas-sigurtà fiż-żona li allegatament juru lill-allegat agressur, aktarx xufier ta’ karozza bil-Y Plate, jaħrab minn fuq il-post.
L-allegat vittma stqarr fuq il-midja li l-aggressur ħebb għalih mingħajr raġuni.
L-assoċjazzjoni tal-operaturi tat-taxi, LPOA, ikundannat kull forma ta’ vjolenza lejn il-membri tagħha u operaturi oħrajn ta’ tali servizz. L-istess assoċjazzjoni uriet solidarjetà mal-vittma u offriet l-għajnuna tagħha biex issir ġustizzja b’rabta ma’ dan il-każ.