Nirien kbar baqgħu jaħkmu partijiet tal-Greċja fejn s’issa diġà tilfu ħajjithom 20 persuna, inklużi 18 li aktarx huma immigranti li qasmu l-fruntiera mit-Turkija fl-aħħar jiem.
Dawn in-nirien fl-għoljiet ħdejn ir-reġjuni ta’ Ateni u Evros ilhom ħamest ijiem jinxterdu.
Il-pumpieri qed isibuha diffiċli biex jikkontrollaw in-nirien minħabba r-riħ qawwi u t-temperaturi għoljin li attwalment ilaħħqu l-40°C. Il-kawża ta’ dawn in-nirien għadha taħt investigazzjoni, iżda fil-pajjiż qed jiġi spekulat li n-nirien setgħu tqabbdu mill-istess immigranti maqtula jew oħrajn fi triqithom biex jaqsmu fil-pajjiż.
Sadanittant, l-awtoritajiet Griegi ordnaw diversi distretti biex jiġu evakwati.