L-inflazzjoni, skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, tinsab fl-inqas livell li qatt kienet minn April tas-sena l-oħra ’l hawn.
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, joħroġ li r-rata ta’ inflazzjoni fix-xahar li għadda kienet ta’ 4.7%, skont dan il-kejl.
Dan ifisser tnaqqis ta’ 0.7%, meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri Ġunju li għadda. Dan hekk kif din ir-rata kienet ta’ 5.4%.
Skont l-NSO, l-ogħla rati annwali ta’ inflazzjoni, matul ix-xahar li għadda, kienu rreġistrati fl-akkomodazzjoni u fl-ikel.
L-aktar rati baxxi ġew irreġistrati fl-elettriku, il-gass u l-fuels, grazzi għas-sussidji multi-miljunarji investiti mill-Istat li laqgħu għaż-żidiet internazzjonali mposti mil-Gwerra fl-Ukrajna. Magħhom kien hemm ukoll l-inqas rati fl-ilbies u ż-żraben.
Dwar is-sussidji tal-enerġija, il-gazzetta KullĦadd irrapportat li, f’sena u nofs, il-Gvern Malti investa aktar minn €514-il miljun biex iżomm il-prezzijiet stabbli għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Din l-għajnuna wasslet biex il-kontijiet tad-dawl, il-fuels u l-gass għall-familji u n-negozji baqgħu m’għolewx, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent ta’ bħalissa.