Din kienet opportunità ta’ darba u l-ħolma tiegħi saret realtà.
Dan kien is-sentiment li ħareġ minn fomm 150 student li bħalissa, matul ix-xhur is-sajf, fejn ikunu ftit ħielsa li jimirħu fuq dak li jħobbu, qed jieħdu sehem fi programm ġdid ta’ għaxart ijiem b’rabta mal-istorja tal-films.
Tfal ta’ bejn id-disgħa u l-ħdax-il sena, li jattendu SkolaSajf minn madwar Malta u Għawdex, qed jipparteċipaw f’diversi attivitajiet fl-MCAST marbuta mal-industrija tal-films.
It-tfal jibdew mill-iktar ħaġa bażika, bħal xogħol wara l-kwinti, imbagħad jiġu mħarrġa wkoll fuq kitba ta’ skript sa esperjenza prattika fl-iffilmjar u l-editing, li kollha jwasslu għal produzzjoni ta’ film u jaraw lilhom infushom fuq it-televiżjoni.
Crew ta’ ONE News sebaħ ma’ dawn it-tfal u bi tbissima fuq fommhom spjegaw kif kull wieħed u waħda minnhom, kollha bil-qasam tagħhom, minn atturi sa camerapersons, qed ikollhom iċ-ċans jipproduċu l-films oriġinali tagħhom.
Fi żjara li għamlu l-Kummissarju Maltija tal-Films, Johann Grech, u l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, iltaqgħu mat-tfal u l-edukaturi tagħhom, li ġew imħarrġa minn nies Amerikani bi snin ta’ esperjenza fil-films.
Il-Kummissarju tal-Films qal kif dan il-proġett – imsejjaħ SkolaSajf fil-Films – għandu l-għan li jħeġġeġ aktar tfal u żgħażagħ ikollhom karriera fil-films.
“Dawk kollha li jaħdmu fil-films u dawk kollha li jinvestu fil-films il-messaġġ tagħna huwa ċar, aħna warajkom, aħna tajna l-istabbilità f’din l-industrija, tajna s-serħan tal-moħħ u qed ninċentivaw aktar xogħol u għalhekk qed nagħtu serħan tal-moħħ ukoll biex inħarju lil uliedna jagħżlu karriera fil-films”.
Johann Grech – Kummissarju tal-Films
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, Michael Bondin, tenna li waqt SkolaSajf jiġu organizzati diversi attivitajiet non-formali li t-tfal jieħdu pjaċir bihom u permezz ta’ dan il-ftehim, din is-sena it-tfal għandhom opportunità kbira.
“Dawn it-tfal għandhom opportunità oħra ta’ valur miżjud fejn jistgħu jiġu hawnhekk, qed jibbenefikaw għaxar gruppi ta’ tfal bejn wieħed u ieħor 15-il tifel u tifla f’kull grupp li permezz ta’ dawn l-inċentivi qed ikollhom esperjenza ta’ kif jagħmlu film mill-bidu sal-aħħar.”
Michael Bondin – il-Kap Eżekuttiv tal-FES