Erba’ persuni ddaħħlu l-Isptar Mater Dei wara li sploda gass fuq dgħajsa li kienu qegħdin fuqha. Minn tagħrif, li għandu ONE News, jirriżulta li l-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart fl-inħawi tal-Paradise Bay fiċ-Ċirkewwa.
Il-persuni ngħataw l-ewwel għajnuna minn sidien ta’ dgħajjes oħrajn li kienu fl-inħawi tagħhom.
Fuq il-post marru wkoll membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, li taw l-ewwel għajnuna lill-vittmi, biex imbagħad ġew assistiti minn għadd ta’ timijiet mediċi ta’ emerġenza li waslu fl-inħawi tal-bajja.
Minn informazzjoni li għandu ONE News; erbat irġiel; tlieta ta’ 26 sena mill-Mosta, Ħaż-Żebbuġ u l-Iklin u wieħed ta’ 29 sena mis-Siġġiewi soffrew xi ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimhom wara li sploda gass waqt li kienu qegħdin isajru fuq dgħajsa.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn aktar tard ir-raġel ta’ 29 sena u r-raġel residenti Ħaż-Żebbuġ ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Fuq id-dgħajsa kien hemm ukoll raġel ta’ 27 sena residenti Ħal Qormi kif ukoll raġel 34 sena min-Naxxar li ma ġarrbu l-ebda ġrieħi.