Diversi carers li jaħdmu mal-kumpanija Support Services Ltd. matul dawn il-ġranet se jieħdu l-ħlas dovut lilhom ta’ kors mandatorju li għamlu ftit xhur ilu wara l-ħin tax-xogħol tagħhom, grazzi għall-ħidma u sforzi mit-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, fi ħdan il-GWU.
Dawn il-ħaddiema membri tal-GWU kellhom jirrikorru għall-għajnuna tat-Taqsima tagħhom hekk kif wara li lestew il-kors obbligatorju li sar minn Support Servics Ltd. baqgħu ma jitħallsux tas-sigħat li għamlu għal xhur sħaħ.
It-Taqsima nfurmat lill-maniġment li skont il-leġislazzjoni u l-Ftehim Kollettiv, għall-korsijiet obbligatorji li jsiru barra l-ħin tax-xogħol il-ħaddiema għandhom jitħallsu b’rata tal-overtime iżda dan ma kienx qed jiġi onorat.
Wara li t-Taqsima tkellmet kemmil darba mal-maniġment u bagħtet diversi korrispondenzi, fejn kull darba jiġi mwiegħed li se jitħallsu, matul ix-xhur tħallsu biss uħud minnhom, filwaqt li diversi oħrajn xorta waħda baqgħu ma tħallsux. Sa ma t-Taqsima kellha tirrikorri għal tilwima industrijali biex tipproteġi lill-membri tagħha u tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni mid-DIER.
Kien hawnhekk li t-Taqsima rċeviet korrispondenza mill-maniġment ta’ Support Services Ltd. li tgħid li sa tmiem Awwissu se jsir il-ħlas dovut lil dawk il-ħaddiema li għadhom ma tħallsux, u għalhekk it-Taqsima ssospendiet it-tilwima industrijali dejjem jekk jiġi onorat il-ħlas dovut.