Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-Eks Prim Ministru u Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi għamel il-preżenza tiegħu ferm aktar viżibbli fl-arena politika mindu rriżenja għaxar snin ilu, kemm permezz ta’ kitbiet fuq il-midja soċjali kif ukoll b’intervisti li saru wara “interess partikolari mhux mistenni” minn sezzjonijiet tal-midja li tissimpatizza mal-Partit Nazzjonalista.
Analiżi tal-KullĦadd analizzat kif dan ir-ritorn tal-Eks Kap, magħruf li mexxa waħda mill-agħar – jekk mhux l-agħar – leġiżlaturi fl-istorja politika moderna ta’ pajjiżna, qanqal ħafna mistoqsijiet u dubji anke fi ċrieki interni tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi tal-gazzetta jindikaw li t-tmexxija attwali tad-Dar Ċentrali qed tqis tali manuvri mnebbħin mill-forza dominanti tal-establishment bħala sfiduċja assoluta fil-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet fil-PN, hekk kif il-Partit taħt Bernard Grech baqa’ qatt ma qabad art fl-aħħar tliet snin.
Il-preżenza ta’ Gonzi, li qiegħda ssir dejjem aktar insidjuża u ħarxa, qed tiġi assoċjata mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li trid issir f’inqas minn sena oħra, f’perjodu li l-popolarità interna ta’ Bernard Grech baqgħet tmajna.
L-aħħar inċident waqt il-marċ tal-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun fejn Grech ma tħalliex jirfes l-għatba tal-Każin Nazzjonalista fi Triq il-Kbira San Ġużepp, waqt li ħalla partitarju tiegħu stess jaqla’ d-daqqiet, flok intervjena kif mistenni, xeħet iżjed dawl fuq din is-sitwazzjoni llum deskritta minn ħafna Nazzjonalisti bħala “tal-biki”.
Is-sorsi tal-KullĦadd ukoll indikaw kif ir-relazzjoni mal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, li attwalment hi l-President tal-Parlament Ewropew, m’għadhiex kif kienet sa ftit taż-żmien ilu.
Dan ikompli jikkonferma, qalet il-gazzetta, kif inhu sigriet magħruf li l-establishment li poġġa lil Grech fit-tmexxija, mhux kuntent bis-sitwazzjoni, għaldaqstant raġuni oħra għalxiex Gonzi donnu aċċetta li jirritorna fuq it-trunċieri politiċi.
Minn tfittxijiet li għamlet il-KullĦadd fil-paġna uffiċjali ta’ Gonzi fuq Facebook, wieħed ma jistax ma jinnotax id-diskrepanzi kbar fl-għadd ta’ drabi li l-Eks Prim Ministru u Kap Nazzjonalista kkummenta fl-ewwel seba’ xhur u nofs ta’ din is-sena anke meta mqabbel mas-sena li għaddiet kollha kemm hi.
Fl-2022 kien hemm biss ħames posts li Gonzi tella’ fuq il-paġna tiegħu u lkoll ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-politika lokali, ħlief waħda fejn sellem lil Robert Arrigo dakinhar tal-mewt tiegħu u oħra fejn fakkar fit-18-il anniversarju mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea meta kien għadu kemm laħaq Prim Ministru.
Min-naħa l-oħra, minn Jannar li għadda sa din il-ġimgħa diġà tella’ 15-il post, b’disgħa minnhom b’attakki politiċi diretti kontra l-Gvern. F’din l-istess sena, Gonzi wkoll ġie interpellat b’intervisti fuq ir-radju tal-Knisja u podcast ma’ Jon Mallia, li mbagħad komplew jiġu minfuħin minn mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni, li jxaqilbu lejn il-PN.
Mill-5 ta’ Lulju li għadda wkoll bidel ir-ritratt tal-profil tiegħu għal wieħed irranġat b’mod diġitali biex fl-isfond tiegħu tpoġġew żewġt ibnadar, dik Maltija u dik tal-UE.
Dan kollu wassal biex jitberrqu l-għajnejn fil-PN stess dwar kif kellu jinħareġ l-aħħar Prim Ministru Nazzjonalista fl-arena politika biex ikun hu li jindirizza kwistjonijiet politiċi u jwassal messaġġi li t-tmexxija ta’ Bernard Grech falliet fihom.
Minkejja dan, l-ironija u l-ipokrezija ta’ Lawrence Gonzi fil-kritika politika tiegħu ma setgħetx tgħaddi mingħajr osservazzjoni, anke mill-midja indipendenti. Fl-aħħar attakk li għamel kontra t-turiżmu rekord attwali, fejn ikkwota rapport fil-gazzetta Ingliża The Sun, kitbu opinjonisti bħal Raphael Vassallo fil-MaltaToday u l-Editur tal-gazzetta Illum fil-ħarġa tal-Ħadd.
Dan tal-aħħar tenna li “r-reazzjoni ta’ Gonzi kienet waħda tal-biki u tad-daħk” fl-istess ħin.