L-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li mhux se jieħu sehem fid-dibattiti tal-kandidati tar-Repubblikani fit-tellieqa għal White House.
Ħabbar dan f’kitba fuq il-midja soċjali fejn qal li n-nies jafu min hu u kemm kellu suċċessi meta kien il-President Amerikan, fosthom dawk ekonomiċi.
Huwa sostna li f’idejh għandu stħarriġ tal-opinjoni pubblika li juri numri b’saħħithom favur tiegħu.
L-ewwel dibattitu tal-Partit Repubblikan se jsit nhar l-Erbgħa li ġej, waqt li l-voti tar-Repubblikani se jibdew fil-bidu tas-sena d-dieħla. Dan se jwassal għall-elezzjoni Presidenzjali li se ssir f’Novembru tas-sena d-dieħla.
Donald Trump kien il-45 President tal-Istati Uniti bejn l-2017 u l-2021. Ikkontesta wkoll l-elezzjoni Presidenzjali tal-2020, iżda hawnhekk huwa tilef kontra l-President attwali, Joe Biden.