Il-gazzetta KullĦadd ħarset lejn is-saga ta’ Ħondoq ir-Rummien li nnutat kif kienet firma mill-PN li wasslet għal theddiha ta’ Ħondoq.
Fil-fatt xahar wara li Gvern Nazzjonalista ta medda ta’ art kbira f’Ħondoq ir-Rummien lill-Patrijiet Agostinjani, li kienu f’negozju ma’ kumpanija Għawdxija bl-isem ta’ Gozo Prestige Holidays Ltd., daħlet applikazzjoni voliminuża ferm ta’ żvilupp fuq art verġni.
Kien f’Ġunju tal-2002 li Gvern Nazzjonalista u bis-setgħa mogħtija lilu, il-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Guido De Marco, eks Viċi Prim Ministru u eks Viċi Kap Nazzjonalista, ta medda ta’ art ta’ kważi 45,000 metru kwadru lill-kumpanija u lill-Patrijiet.
Guido De Marco ta din l-art hekk kif kienet se tiskadi l-esproprijazzjoni li kienet saret mill-Istat għaliex kien hemm il-ħtieġa għall-qtugħ tal-blat li ntuża għall-breakwater tal-port tal-Imġarr.
Jirriżulta li kif kienet se tiskadi l-esproprijazzjoni, flok din ġiet estiża biex ma jsirx żvilupp, il-Gvern Nazzjonalista Eddie Fenech Adami ta dik l-art lill-privat għaliex fi kliem il-President De Marco ma kienx hemm iktar ħtieġa li dik l-art tinżamm għall-pubbliku.
Ftit jiem wara eżatt, jiġifieri f’Lulju tal-2002, daħlet applikazzjoni għal żvilupp b’sitt volumi fejn il-Case Officer, ta’ dak iż-żmien il-MEPA, dam mat-tliet xhur jaqraha.
Il-gazzetta KullĦadd innutat li Qalin isostnu li allura l-pjan għal żvilupp f’Ħondoq kien ilu jinħema minn qabel.
Imbagħad fl-2006, art verġni f’Ħondoq saritilha bidla oħra fil-Pjan Lokali billi dak iż-żmien il-Ministru għall-Ambjent George Pullicino biddel il-Pjan Lokali biex l-art tal-Ħondoq setgħet tiġi żviluppata għal skop turistiku u marittimu.
Il-gazzetta tat ħarsa lejn is-saga ta’ Ħondoq ta’ aktar minn għoxrin sena fejn il-Partit Laburista kellu pożizzjoni konsistenti tant li qabel rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013, kien sostna fil-kampanja elettorali li huwa kontra l-iżvilupp.
B’mod ewlieni f’ħidma bla heda kien hemm is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg, li anki qabel sar Sindku kien ħoloq il-Moviment Ħarsien għall-Ħondoq u mbotta referendum fejn 85% tal-Qalin ma qablux mal-iżvilupp.
Is-saga tal-Ħondoq kompliet tikkumplika ruħha wara l-bidla fil-Pjan Lokali biex isir żvilupp għaliex dak iż-żmien il-MEPA damet tistenna rapport suret in-nies fuq l-impatt ambjentali kemm il-darba jsir l-iżvilupp ta’ lukanda u yacht marina f’Ħondoq li riedu jagħmlu l-iżviluppaturi wara li Gvern Nazzjonalista ppermetta dan.
Qabel u wara sensiela ta’ deċiżjonijiet, inkluż appelli mill-2013 ’il quddiem li ċaħdu l-permess għal żvilupp, l-iżviluppaturi talbu €17-il miljun biex l-art li tahom Gvern Nazzjonalista ma jiżviluppawhiex.
Min-naħa l-oħra dikjarazzjonijiet importanti u ċari li għamel il-Prim Ministru Robert Abela favur l-implimentazzjoni ta’ miżura numru 319 tal-manifest ‘Malta Flimkien’, jiġifieri li f’Ħondoq ma jsirx żvilupp għajr afforestazzjoni, jfissru ċertezza għall-ħarsien ta’ Ħondoq.
Fi żjara li fil-jiem li għaddew il-Prim Ministru għamel flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg, ġiet imfissra l-ħidma li qed issir bi proċess biex isiru l-bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-Gvern jissiġilla ċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ li Ħondoq ir-Rummien ma jkunx żviluppat.