Il-ġlieda u l-attakk vjolenti fuq partitarju ta’ Bernard Grech fil-Ħamrun, wara li l-Kap Nazzjonalista ma tħalliex jidħol fil-każin Nazzjonalista kienet segwita minn laqgħat jaħarqu daqs l-inċident innifsu.
Kienet il-gazzetta KullĦadd li żvelat kif inħema pjan fl-ogħla strutturi Nazzjonalisti biex tali umiljazzjoni tal-Kap issa titpatta b’azzjoni kontra dawk li fil-Partit jinteressahom iżjed miż-żwiemel tagħhom milli fit-tmexxija ta’ Grech.
Il-każ tal-Ħadd li għadda reġa’ wera fil-beraħ kif fl-għeruq tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ mhux aċċettat.
Il-KullĦadd irrapportat li l-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv, li dwarha l-Ġimgħa filgħaxija l-Partit Nazzjonalista spiċċa ħareġ stqarrija ta’ sentenza waħda, ma kinitx l-uniku lok fejn is-suġġett kien diskuss.
F’dawn l-okkażjonijiet, dawk qrib Bernard Grech insistew li għal passi li jpattuha lil min kien wara l-azzjoni fil-konfront tiegħu u, skont is-sorsi tal-gazzetta, sar diskors feroċi kontra attivisti fil-Ħamrun u tal-Ewwel Distrett minħabba li l-lealtà tagħhom mhijiex lejn il-Kap, qabel kollox.
“Din mhux se tieqaf hawn”, kien il-messaġġ li ħareġ il-Ħadd li għadda, waqt li fid-Dar Ċentrali ftit ħafna nkwetaw fuq ir-raġel li ġie aggredit. Minflok fuq din il-ġlieda interna li jidher li m’għandhiex tmiem.
Il-KullĦadd ukoll tenniet li fil-laqgħat ukoll issemmiet il-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia mhux imbilli ċaħdu li kellhom xi sehem fil-ġlieda. Waqt li saret pressjoni minn esponent ewlieni Nazzjonalista biex il-midja tal-Partit ma tirrapporta assolutament xejn, ingħad kif it-tpattija trid tkun waħda fina, mingħajr ma toħloq ħafna iżjed storbju minn dak li diġà nqala’.
Il-ħsieb kien jgħid: “Għalissa nagħlqu l-każin ħa naqtgħulhom saqajhom, imbagħad naraw”.
Persuna oħra sostniet li l-iżball sar mill-bidu mill-Kap stess, li kien jaf li mhux milqugħ fil-każin, imma baqa’ jinsisti li jidħol, biex imbagħad meta nduna li ġie aggredit kanvażer tiegħu stess, abbandunah u ħallih jaqla’ min-Nazzjonalisti stess.
Fil-fatt, kif ġie rrapportat diġà, Grech qasam għan-naħa l-oħra tat-triq u mar ikompli jieħu r-ritratti man-nies u mill-gallarija tas-sede tal-Każin tal-Banda San Ġużepp.
Bint il-partitarju ferut Noel Mifsud Bonnici kitbet pubblikament li missierha kien il-ħaruf tas-sagrifiċju li ħadd ma ddefendih wara li tefgħuh f’nassa, b’referenza wkoll għall-Kap Nazzjonalista li sa dak il-ħin kien qed idur fil-kumpanija tiegħu.
Fatti mhux miċħuda mill-Partit Nazzjonalista ġew spjegati minn mart Noel Mifsud Bonnici li qalet kif żewġha mar jitlob biex jidħol Bernard Grech fil-każin, sab reżistenza u spiċċa offiż mill-barman Manuel Attard u anke msawwat bl-aktar mod vjolenti minn grupp ta’ persuni oħrajn, li baqgħu jsawtuh anke meta kien fl-art.
Mifsud Bonnici spiċċa jiġi operat fl-irkoppa l-leminija minħabba li bid-daqqiet ċarrtulu l-ligamenti f’siequ.
Kif tħabbar minn ONE News, il-bar tal-każin Nazzjonalista hu f’idejn kanvasser magħruf tad-Deputat u eks Viċi Kap Nazzjonalista Mario De Marco. Kien saħansitra x-xufier ta’ De Marco meta dan kien fil-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi.
Issa fid-Dar Ċentrali jidher li tfassal pjan li jpattiha lil dawk li umiljaw lill-Kap fejn l-ewwel pass kien dak tal-Ġimgħa li jingħalaq il-każin, skont l-istqarrija Nazzjonalista b’mod temporanju.
Ir-rapport fil-KullĦadd itenni li l-idea, li ħarġet minn laqgħat sħan fil-PN, hi li l-affarijiet isiru baxx baxx biex ma jagħtux fil-għajn u l-ewwel iħallu l-biċċa torqod, imbagħad jieħdu f’idejhom ir-riedni ta’ każin Nazzjonalista li fih il-Kap tal-istess partit kien persona non grata.