Il-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet favur il-ġid komuni.
Dan l-impenn tennieh il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, li matulu tkellem fid-dettall dwar l-investimenti li qed isiru, f’oqsma bħas-saħħa, is-sigurtà, l-edukazzjoni u l-ambjent.
Meta kien qed jitkellem dwar il-ħidma tal-Pulizija, il-Prim Ministru spjega kif fil-ġimgħat li ġejjin, se jitħabbru d-dettalji dwar inċentivi li se jittieħdu biex membri ta’ forzi dixxiplinati li jlestu l-ħamsa u għoxrin sena servizz u jkunu jistgħu jirtiraw, jibqgħu jservu, biex l-esperjenza u l-ħiliet tagħhom ma jintilfux.
Qal, “Nafu li persuna li għadha fl-aqwa tagħha u għadha tista’ tagħti ħafna lill-korp dixxiplinat, li għandha dik l-esperjenza li akkumulat tul medda ta’ snin u ħafna xogħol, dik l-esperjenza u t-talent ma nistgħux nitilfuh u għalhekk se nieħdu l-inizjattivi biex dawn il-kwalitajiet sbieħ li hemm f’tant membri fil-korpi dixxiplinati, nippriservawhom u ninċentivaw lil dawn in-nies biex jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom.”
Fl-istess kuntest tat-tisħiħ tal-ġid komuni, il-Prim Ministru semma li kull deċiżjoni li tittieħed, trid tgawdi minnha s-soċjetà, u elenka diversi investimenti li qed isiru f’setturi importanti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal, “Jekk qed nitkellmu fuq is-saħħa, tfisser il-ġid ta’ dak l-anzjan li jrid isib servizz mediku iktar speċjalizzat fil-komunità, jew fir-residenzi tal-anzjani, tfisser ukoll il-ġid ta’ dak iċ-ċittadin li jrid igawdi minn kura aħjar qrib daru u għalhekk l-investimenti tas-saħħa bħalma għamilna per eżempju f’Birkirkara. Tfisser ukoll il-ġid tal-familja li trid u għandha dritt, tħossha sigura f’pajjiżha u għalhekk it-tisħiħ tal-forzi tal-ordni u tas-sigurtà. Il-messaġġ irid ikun ċar li qegħdin hawn biex inħarsu liċ-ċittadin onest.”
Il-messaġġ tal-ġid komuni jrid jasal ukoll fejn jidħol l-iżvilupp.
F’kuntest ta’ Oppożizzjoni opportunista li quddiem il-pubbliku tgħid mod, u minn wara l-kameras tagħmel mod ieħor, il-Prim Ministru appella lill-iżviluppaturi biex ma jressqux proposti li ma jagħmlux sens skont il-politika tal-ippjanar.
Irrefera għal deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet, li ma tatx kunsens biex fuq art tal-Gvern, jinbidlu l-policies biex isir aktar bini u saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji.
Qal, “L-appell biex proġetti li ma jagħmlux sens fir-realtajiet tal-lum lanqas biss għandhom jitfasslu fuq il-karta mill-perit jew jinbeda l-proċess tagħhom quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, dan huwa appell li se nibqa’ nagħmlu b’mod b’saħħtu.”
Fi tmiem ġimgħa li matulha bdew jingħataw ħlasijiet tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern dejjem wera biċ-ċar li idu tinsab fuq il-polz tan-nies, u dejjem daħal biex jgħin quddiem sfidi internazzjonali.
Qal, “Li ngħinu lill-ħaddiem quddiem l-isfida tal-inflazzjoni, li jkolli ngħid li mhix żgħira, huwa prinċipju naturali għalina, li ngħinu lin-nies, li ngħinu lill-ħaddiem, li ngħinu lil min jista’ l-inqas.”
Il-Prim Ministru elenka diversi miżuri li ttieħdu quddiem sfidi internazzjonali, fosthom tul il-pandemija u anki minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, u għalhekk tenna l-importanza tat-tisħiħ ekonomiku id f’id mal-prijoritajiet preżenti tal-Gvern.
Qal, “Dan l-impenn għal tisħiħ ekonomiku sostenibbli nagħmluh biex minn dak li trendi l-ekonomija sostenibbli tagħna, nibqgħu ninvestu fil-ġid komuni, ninvestu fis-sigurtà tal-pajjiż, ninvestu fis-saħħa tal-poplu tagħna, ninvestu fis-settur edukattiv, nibqgħu ninvestu fl-ambjent, fost diversi investimenti oħrajn.”