Grupp ta’ tnax–il voluntiera fi ħdan l-Assoċjazzjoni Karibu Malta wasal Malta mill-Kenja fejn hemmhekk wettqu xogħol volontarju fost il-foqra bejn it-28 ta’ lulju u t-18 t’Awwissu. Imwaqqfa għaxar snin ilu sa mill-2013, l-għan ta’ din l-Assoċċjazzjoni hu li tagħti spinta l-edukazzjoni f’pajjiżi li għadhom qed jiżvillupaw. Fil-fatt matul is-snin, grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin bniet żewġ skejjel fid-djoċesi ta’ Kipangajeni u Mbaoni.
Il-grupp ta’ din is-sena li l-etajiet tiegħu kienu jvarjaw bejn l-24 sena u l-65 sena, ħadem fuq il-proġetti f’dawn iż-żewġ villaġġi foqra ħafna, fejn fost oħrajn sar xogħol kbir ta’ restawr f’ dawn iż-żewġ skejjel. B’mod attiv, il-voluntiera waqqgħu saħansitra partijiet minn dawn l-iskejjel, sar xi tikħil u anki xi xogħol ta’ żebgħa.
Fil-Kipangajeni sar xogħol biex tinfetaħ borehole ġdida bil-għan li jkun hemm aċċess għall-ilma nadif għar-residenti
Mal-grupp ingħaqad ukoll Fr Elmar Pace, li din kienet it-tielet esperjenza tiegħu fil-missjoni. Tlabnih jimraħ aktar fuq l-esperjenza ta’ din id-darba.
Fr Elmar Pace qal “Hija esperjenza qawwija ħafna. Hemm diskrepanza kbira ħafna bejn il-ħajja li ngħixu hawnhekk, l-istandard għoli li ngħixu hawnhekk. Il-faqar kbir li tara tmissu b’idejk jiġifieri, ma nammiġinawhx. Trid tmur hemmhekk u jien mhix l-ewwel esperjenza tiegħi, kont imdorri nara dak il-livell ta’ ħajja imma l-grupp kollu fl-ewwel ġimgħa kien ixxukkjat x’ħin jara n-nies hemmhekk f’liema faqar jgħixu. Fl-istess ħin il-ferħ li jittrasmettu. Kull ħaġa li tagħmel magħhom jifirħu jiġifieri japprezzaw ħafna.”
Barra x-xogħol manwali li għamlu, l-voluntiera ħadmu sabiex jiskopru xi proġetti li jistgħu jaħdmu fuqhom fil-ġejjieni.