It-tellieqa ta’qabel tal-aħħar tal-Kampjonati tal-Garmin BSJ tal-Għawm Open Water, saret nhar l-Erbgħa li għadda ġewwa Qui-Si-Sana, f’dawk li ġew imsemmija bħala l-aktar kundizzjonijiet diffiċli li ltaqgħu magħhom l-għawwiema f’dan l-istaġun.
Luca Vella kompla juri s-saħħa tiegħu meta stabbilixxa l-pass għall-kumplament tal-għawwiema li kellhom iħabbtu wiċċhom m’imbatt kemm xejn għoli. L-eqreb għawwiem għalih kien Sam Camilleri, li kien preżenza regolari fuq il-podju tal-Kampjonati ta’ din is-sena. Caine Schembri li spiċċa fit-tielet post, għamel id-debutt tiegħu fuq il-podju ta’ dawn il-kampjonati.
Il-kategorija tan-nisa kienet immexxija minn Amy Micallef, li rebħet it-tiġrijiet kollha li ikkompetiet fihom. Hija kienet segwita minn Beata Xerri de Caro, li wkoll għamlet l-ewwel dehra tagħha fuq il-podju. Fit-tielet post kienet Michela Camilleri, għawwiema li spiss dehret fuq il-podju din is-sena.
It-trofej lill-ewwel tliet għawwiema li kklassifikaw ġew ippreżentati minn Mark Gaglione, rapreżentant tal-Medcomms Ltd, aġenti ta’ Garmin f’Malta u Ray Grech, President tal-Birkirkara St Joseph Sports Club.
L-aħħar tiġrija tal-Kampjonati ta’ din is-sena se ssir nhar l-Erbgħa 23 t’Awwissu fil-5pm fis-Salina. Fi tmiem din it-tellieqa serjiġu ppreżentati trofej lir-rebbieħa tal-kampjonat ġenerali u tal-gruppi tal-età.
Ir-reġistrazzjoni għat-tellieqa finali tista’ ssir online
Il-Club irringrażżja lil Medcomms Ltd, aġenti ta’ Garmin f’Malta u partitarji fit-tul tal-Club kif ukoll lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.