Fl-ogħla punt mibni f’pajjiżna, insibu l-koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli. Fl-aħħar jiem, din il-koppla, li qed jitfakkar il-ħamsin sena mill-bini tagħha, ġiet irrestawrata f’xogħol estensiv ta’ tisbiħ, li kien tant mixtieq u meħtieġ.
Mal-manutenzjoni u t-tisħiħ tal-bini sar ukoll xogħol ta’ induratura bid-deheb u mużajk ġdid li nħadem fil-belt ta’ Venezja fl-Italja. Bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet intużat ukoll skema ta’ kuluri taż-żebgħa, li tixraq iżjed mal-bqija tal-knisja, filwaqt li fl-aħħar ġimgħat ġiet installata sistema ġdida ta’ dawl li se tkun qed tikkumplimenta l-prodott finali.
Waqt li f’Ħad-Dingli l-antiċipazzjoni u t-tħejjijiet għall-festa ftit tal-jiem oħra għaddejjin ġmielhom, tkellem magħna l-Arċipriet, il-Kanonku David Farrugia, dwar dan il-proġett u l-proċess twil li kien jinkludi.
“Aħna rajna li jsir konsolidament kemm tal-ġebel kif ukoll anke allura dorna anke l-att estern tagħha. Bħal daż-żmien sena, fis-sajf ħsibna nduru l-att estern, li ma kienx hemm xi ħsara enormi, għax kien diġà għaxar snin ilu ingħatat dawra. Fuq ġewwa rajna li ssir iż-żebgħa ġdida u kien hemm diversi addattamenti anke li kellhom isiru. Tiswija ta’ xi partijiet mill-iskultura. Taf int iż-żmien iħalli tiegħu. L-iskultura li kienet saret mill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi aħna rajna li naraw li terġa’ tiġi rinovata, anke mill-att ta’ żebgħa. U fuq imbagħad, li kellna l-biċċa innovattiva, li fuq, fil-lanterna, fejn hemm l-Ispirtu s-Santu, hemmhekk saret l-iskutella bil-mużajk biex turi ċ-ċentralità ta’ din il-koppla li l-lanterna hi, nistgħu ngħidu, l-ogħla post mibni f’Malta.
KAN. DAVID FARRUGIA
L-Arċipriet irringrazzja wkoll lid-diversi persuni li ħadmu qatigħ biex sar dan ix-xogħol, anke b’mod volontarju, kif ukoll dawk kollha li għenu finanzjarjament. Saħaq, iżda, li dan il-proġett żgur ma kienx ikun possibbli mingħajr is-sostenn tal-fondi Ewropej li gawdiet minnhom il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli.
“Bla dubju, in-nies tal-parroċċa li jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom, imma b’dawk biss kieku ma’ naslux biex għamilna proġett bħal dan kellna bżonn l-għajnuna mill-fondi mill-Gal Majjistral u dawn għenunha ħafna biex inkunu nistgħu ntemmu anke dan il-proġett u ninawgurawh proprju f’dawn il-jiem fejn qed niċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija. Ringrazzjamenti, bla dubju, lin-nies kollha li taw il-kontribut kemm finanzjarju, imma anke lill-ħaddiema kollha.”
KAN. DAVID FARRUGIA