Nhar is-Sibt mis-sebgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jorganizza t-tieni edizzjonali tal-‘Lejla Rnella’, fil-Bajja tar-Rinella.
Għal din l-edizzjoni se jkun hemm diversi artisti lokali, fosthom Destiny, Owen Leuellen u Luke Chappell, waqt li s-serata se titmexxa minn Daniel Chircop u animata b’mużika minn DJ Sar. Il-mistieden speċjali, Ivan Grech, se jkun qed jagħlaq din l-edizzjoni bil-mużika popolari tiegħu.
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina spjega li l-attività se jkollha xi ħaġa għal kulħadd.
“Wara l-edizzjoni tas-sena li għaddiet, din is-sena, il-Kunsill tal-Kalkara impenja ruħu biex japplika għal fondi taħt l-iskema ta’ attivitajiet kulturali u għalhekk ‘Lejla Rnella’, bħala avveniment daħħalnih parti mill-attivitajiet li norganizzaw bħala Kunsill Lokali tal-Kalkara.”
Din l-attitività se tkun qed issir permezz ta’ fondi mill-iskema finanzjarja għall-attivitajiet kulturali annwali.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, sostniet li l-Gvern kommess li jibqa’ jinvesti fi skemi għall-attivitajiet soċjo-kulturali fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
“Permezz tal-iskema għall-attivitajiet kulturali qegħdin nesponu t-talent lokali u t-tradizzjonijiet Maltin, imma fuq kollox qegħdin nesponu l-irkejjen fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna u dak li se tkun qed tagħmel ‘Lejla Rnella’ nhar id-19 ta’ Awwissu.”
Min se jattendi, jista’ jipparkja l-vettura tiegħu ħdejn il-grawnd tal-futbol tal-Kalkara jew ħdejn il-Kunvent tal-Patrijiet tal-Kapuċċini, fejn se jkun hemm trasport ipprovdut b’xejn biex in-nies jitwasslu għal din l-attività.
