Studju, li sar mill-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, il-Eurofound, dwar is-servizzi soċjali offruti fl-istati membri kollha, juri kif il-welfare state ta’ Malta hu meqjus mal-aqwa u fl-istess livell ma’ dawk tad-Danimarka, l-Iżvezja u l-Irlanda, fost oħrajn.
Bit-tema ‘Social Services in Europe: Adapting to a New Reality’, l-istudju ppubblikat din il-ġimgħa jtenni li, bis-saħħa ta’ avvanzi kbar soċjali li rreġistra pajjiżna u t-titjib fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, tali spiża nazzjonali fil-benefiċċji soċjali lil dawk vulnerabbli naqset. Minflok din setgħet tiġi ffokata fuq miżuri oħrajn li jtennu l-mixja ’l quddiem fil-pajjiż.
Dan hu rifless partikolarment fl-eluf kbar ta’ persuni li, fl-aħħar għaxar snin, gawdew minn inizjattivi u miżuri li għenuhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna, inkluż dawk li kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali sa qabel inbidel il-Gvern fl-2013. Dan minbarra żidiet sinifikanti, sena wara oħra, fil-pensjonijiet.
Waqt li l-Finlandja u Franza qed jallokaw l-akbar persentaġġi tal-Prodott Domestiku Gross nazzjonali għall-protezzjoni soċjali, b’riżultat ta’ problemi li akkumulaw fil-pajjiżi rispettivi, Malta u l-Irlanda nefqu l-inqas mill-PDG bejn l-2015 u l-2020, grazzi għal titjib li kellhom is-soċjetajiet rispettivi.
Minkejja li, bejn l-2019 u l-2020, xorta kien hemm żidiet ta’ 1.4% għall-Irlanda u 1.7% għal Malta, dawn kienu l-inqas żewġ rati, li allura jfisser li ċ-ċittadini f’dawn il-pajjiżi kienu gawdew minn titjib fil-ħajja u allura inqas kien meħtieġ biex jiġu sostnuti persuni vulnerabbli.
Malta hi meqjusa mal-aħjar livelli fejn jidħol il-welfare state, tant li ma tikkwalifikax fost l-istati membri Ewropej li, bejn l-2004 u l-2020, kienu obbligati jżidu l-benefiċċji lill-aktar vulnerabbli minħabba problemi soċjali.
Dan hu konformi ma’ studji oħrajn internazzjonali li juru kif il-politika għaqlija Laburista fl-aħħar għaxar snin, favur ix-xogħol u bl-akbar opportunitajiet ta’ mpjiegi u inċentivi li wasslu għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, inħolqot klassi medja ġdida f’Malta, waqt li l-faqar tnaqqas drastikament meta mqabbel mal-2012, l-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista.
Dan hu wkoll kompletament bil-kontra tar-retorika attwali tal-Partit Nazzjonalista li tipprova tagħti l-impressjoni li l-foqra żdiedu.
L-istudju tal-Eurofound jiffoka fuq il-qagħda tas-servizzi soċjali fil-pajjiżi membri tal-Unjoni, l-infieq soċjali tal-gvernijiet fil-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa, u r-realtà l-ġdida li kellha tiġi adottata wara l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.
F’dan ir-rigward, l-aġenzija Ewropea tgħid li, fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li għalih ġew allokati fondi minn Brussell lil kull pajjiż, Malta rriservat wieħed mill-ogħla persentaġġi ta’ din l-għajnuna għal dan ir-rigward.
L-istudju wkoll isemmi kif l-effetti fuq Malta fil-pandemija wkoll kienu kbar, bħall-bqija tad-dinja. Eurofound jgħid li dan hu differenti ħafna mill-kriżi finanzjarja tal-2008 fejn Malta bilkemm ġiet affettwata.
Minkejja dan, il-problemi soċjali tal-faqar u l-qgħad, fost l-oħrajn, dak iż-żmien kienu splodew taħt il-Gvern Nazzjonalista, immexxi minn Lawrence Gonzi.