Il-Gvern Ġermaniż approva abbozz ta’ liġi li jillegalizza x-xiri u l-pussess f’ammonti żgħar ta’ kannabis għall-użu rikreattiv, wara li ġie ispirat mil-liġi Maltija.
Dan minħabba l-fatt li l-liġi Maltija tesiġi li assoċjazzjonijiet, li fihom tista’ tkun membru u b’mod legali tikseb is-sustanza tal-kannabis, ma jistgħux jagħmlu qligħ minn tali attività li wkoll ma tistax tiġi rreklamata.
Kif imfassla fil-Ġermanja, il-liġi se tkun qiegħda ssegwi l-passi ta’ Malta, li saret l-ewwel stat membru Ewropew, li illegalizza l-kultivazzjoni u l-konsum tal-kannabis għall-użu rikreattiv lura fl-elfejn wieħed u għoxrin.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg spjegat ma’ ONE News li, b’din l-approvazzjoni, il-Ġermanja mexxiet fuq il-mudell Malti, li għandu l-għan li jtemm il-kriminalizzazzjoni ta’ persuni li jinqbadu jpejpu l-kannabis għal skop rikreattiv u li jitnaqqas it-traffikar tagħha.
Is-segretarju Parlamentari qalet “Qed naraw li l-Ġermanja, li hu wieħed mill-akbar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, mexa proprju fuq il-passi li għandna fil-liġi Maltija. Dan hekk kif uża l-istess prinċipju u applikahom għal-liġi tiegħu. B’hekk bħala Gvern konna pijunieri f’dan il-qasam fejn imxejna minn politika li tikkriminalizza lill-persuni li jużaw il-kannabis għal politika li hija waħda umana.”
L-abbozz ta’ liġi, li għad irid jgħaddi mill-Parlament Ġermaniż, jippermetti li adulti jkollhom sa 25 gramma ta’ kannabis fil-pussess tagħhom, waqt li fir-residenza jistgħu jkabbru sa tliet pjanti għall-użu personali.
Se jkun permess ukoll li jinħolqu klabbs tal-kannabis, mingħajr skop ta’ qligħ. Dawn l-hekk imsejħa klabbs se jkunu limitati għal massimu ta’ 500 membru.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li l-mudell Malti ma jittollerax reklamar u promozzjoni ta’ kannabis, filwaqt li jagħti anke taħriġ lill-persuni ewlenin fl-assoċjazzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-ħsara.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari qaltilna li, s’issa, l-Awtorità Maltija għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis irċeviet għoxrin applikazzjoni biex jingħataw il-liċenzja u żewġ assoċjazzjonijiet ingħataw liċenzja fil-prinċipju.
Hija kompliet tgħid li “Meta naraw li l-assoċjazzjonijiet ikunu qed jissodisfaw kull kriterju li hemm fil-qafas regolatorju, imbagħad, l-Awtorità tissodisfa wkoll l-inforzar min-naħa tagħha. Hemmhekk tkun tista’ tingħata liċenzja lil dawn l-operaturi.”