Fi tmien il-ġimgħa, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fil-Ministeru għall-Politika Soċjali se jgħaddi ħlas ieħor mill-mekkaniżimu tal-COLA addizzjonali. Dan b’investiment ta’ żewġ miljuni u sebat mitt elf ewro (€2.7 miljun) oħra.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali qalet li din hi parti minn miżura tal-Baġit għal din is-sena, li qed tgħin familji bi dħul ieħor jilqgħu għall-għoli tal-ħajja.
Intqal li minn Diċembru ’l hawn, il-Gvern investa aktar minn dsatax-il miljun ewro f’dan il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, li ddaħħal bħala miżura tal-Baġit.
Il-Gvern diġà kien ħabbar li dan il-mekkaniżmu se jkompli jitjieb kull sena, anke meta l-inflazzjoni terġa’ lura għal livelli normali. Dan biex il-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla għall-persuni vulnerabbli, fosthom l-anzjani.
Il-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali, Michael Falzon, sostna li dan il-pagament hu prova ċara ta’ kemm dan il-Gvern iżomm kelmtu, hekk kif din kienet ukoll wegħda elettorali fil-manifest ‘Malta Flimkien’.