Fl-2023, it-Teatru Manoel qed igawdi minn żieda qawwija fil-popolarità tiegħu u tal-produzzjonijiet li jittellgħu fih. Dan jixhduh ċifri tal-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, jiġifieri minn Jannar sa Lulju, li kiseb dan l-istazzjon.
Fil-fatt jirriżulta li f’dan il-perjodu, it-Teatru Manoel laqa’ fih udjenzi li jlaħħqu b’kollox aktar minn disgħa u tletin elf persuna. Dan hu ammont sostanzjali, b’mod speċjali meta jitqabbel mal-għadd ta’ udjenzi li attendew fl-istess teatru matul s-sena li għaddiet kollha.
ONE News hu informat li fl-2022 kien hemm mat-tnejn u għoxrin elf persuna li attendiet fit-Teatru Manoel fuq perjodu ta’ tnax-il xahar, jew aħjar mat-tmintax-il elf inqas minn dak irreġistrat bejn Jannar u Lulju li għaddew.
Filwaqt li kkonferma dawn ir-riżultati pożittivi, f’reazzjoni lil ONE News, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Edward Zammit, attribwixxa dan is-suċċess għal diversi fatturi mhux l-inqas għall-irkupru b’saħħtu li t-Teatru jinsab għaddej minnu b’investimenti infrasturtturali u saħansitra fir-riżorsi umani.
Dan minbarra investiment ieħor li jħares l-ambjent biex it-Teatru Manoel ma jkunx biss pjattaforma għal produzzjonijiet tal-ogħla livell, iżda wkoll wieħed ekonomikament u ambjentalment sostenibbli biex b’hekk kull suċċess irendi fit-tul.
Jirriżulta li d-domanda għal produzzjonijiet, bħal dawk li jittellgħu fit-Teatru Manoel, qiegħda dejjem tiżdied, fejn il-konkorrenza għalihom qed tkun tajba ħafna, kif spjegalna l-Kap Eżekuttiv Edward Zammit.
Edward Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Teatru Manoel qal “L-ammont ta’ akkomodazzjoni turistika żdiedet ukoll u dan ukoll qed jirriżulta f’aktar turisti li jiġu t-Teatru. Eżempju din is-sena f’Marzu li għadda kellna l-opra li reġgħet irritornat fit-Teatru Manoel. Kellna t-Tosca fejn rajna tista’ tgħid full-house f’kull wirja li kellna u kellna ħafna proprju turisti li daħlu mill-bibien tagħna biex jaraw din il-produzzjoni.”
Zammit kompla jispjega kif id-domanda minn barra qed tistaqsi għal produzzjonijiet oħrajn u saħansitra qed isiru bookings minn qabel, waqt li barranin qed iżuru pajjiżna wkoll proprju għal dawn it-tip ta’ avvenimenti.
Hu temm jgħid li jinsab ottimist għall-ġejjieni tat-Teatru Manoel hekk kif se jibqa’ pjattaforma li toffri lill-artisti u, fuq kollox, lill-udjenzi l-ogħla livelli possibbli.
Minn lenti aktar wiesgħa tkellimna mal-Ministru responsabbli mill-qasam kulturali ta’ pajjiżna, dwar il-viżjoni li għandu l-Gvern għal dan is-settur.
Il-Ministru Owen Bonnici qal “Qed inkomplu nsaħħu wkoll il-prodott li pajjiżna joffri mhux biss għall-familji Maltin li jmorru u jaraw dawn il-wirjiet u spettakli u jsegwu dawn l-affarijiet artistiċi tant sbieħ, imma anke għat-turisti li jiġu f’pajjiżna u jgawdu l-kultura, l-arti u l-kreattività li l-artisti lokali huma tant bravi fiha. Aħna se nkomplu ninvestu biex inkabbru l-udjenzi ħalli nsaħħu l-kwalità tal-prodott kulturali u dan ikompli jinfirex fost il-Maltin u l-Għawdxin u dawk kollha li jżuruna.”
Sadanittant, bħalissa t-Teatru Manoel għaddej b’ħidma ma taqta’ xejn biex f’Ottubru li ġej jagħti bidu għal programm artistiku ieħor mimli, taħt il-ħarsien tad-Direttur Artistiku tal-Manoel, Adrian Mamo.