Il-Preżentattriċi u l-Attriċi popolari Lara Azzopardi ser tkun parti mill-iskeda l-ġdida ta’ ONE minn Ottubru li ġej. Lara taf il-bidu tal-karriera televiżiva tagħha fuq dan l-istazzjon, dak iż-żmien Super 1 TV meta kienet tmexxi ħafna programmi ddedikati għat-tfal.
Maż-żmien, Lara baqgħet wiċċ sinonimu mas-sensiela popolari Ġiżelle li wkoll kienet ixxandret fuq ONE, filwaqt li f’dawn l-aħħar snin rajnieha fis-sensiela ċ-Ċaqqufa. Apparti d-drama, Lara ppreżentat bosta programmi, konferenzi u serati u bħalissa tinsab impenjata biex flimkien ma’ tim ta’ nies qed taħdem fuq produzzjoni interessanti li se tkun amalgamata bejn ONE u l-mezzi soċjali.
Filwaqt li tammetti li f’dawn l-aħħar snin kienet inqatgħet sew mill-produzzjonijiet ta’ programmi televiżivi minħabba li ddedikat aktar ħin lid-drama, ma’ one.com.mt Lara qalet li dejjem xtaqet li tirritorna lu
”Riċentament kont qed nagħmel programm online. Onestament kien qed jagħtini ħafna sodisfazzjon, fosthom fir-riċerka tas-suġġett u l-mistiedna. Fl-aħħar xhur bħala tim, ġietna l-opportunita’ u ONE bdew diskussjonijiet magħna biex ċertu ideat inkabbruhom u niżvillupawhom aktar. Jien flimkien ma’ tim ta’ nies fenominali ninsabu eċitati u qed nagħmlu l-almu tagħna biex noffru produzzjoni ta’ livell u ta’ kwalita’ lis-segwaċi ta’ ONE”
LARA AZZOPARDI
Lara, li saret omm 4 xhur ilu, kompliet tgħid li tinsab eċitata u ħerqana li ser tirritorna bi programm b’saħħtu filwaqt li tinsab kuntenta u grata lejn ONE li emmnu fiha u f’din il-produzzjoni biex tilħaq udjenzi ġodda.