Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ċaħad ilment ta’ Arnold Cassola fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett wara li fi kliem il-Kummissarju innifsu evidentament Bonett ma kiser ebda regolament.
Dan wara li mar Sqallija bil-karozza tal-Ministeru u b’rabta maż-żjara huwa ħallas minn flusu ħlasijiet addizzjonali talli ħareġ il-karozza barra minn Malta skont termini marbuta mal-kirja tal-vettura.
Fil-fatt is-Segretarju Parlamentari esebixxa rċevuti tal-ħlas li sar minn butu.
Il-Kummissarju għall-Istandards, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi saħaq li fil-kuntest li Bonett ma kiser l-ebda regolament, ma hemmx ħtieġa ta’ investigazzjoni ulterjuri.
Innota li għandu jkun hemm linji gwida pubbliċi fir-rigward ta’ użu ta’ vetturi uffiċjali.
B’rabta mad-deċiżjoni ċara, Chris Bonett fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook innota kif il-Kummissarju għall-Istandards ikkonferma li kampanja li saret fil-konfront tiegħu ma kienet xejn għajr kampanja mibnija fuq il-qerq u attakk personali minn sensiela.
Qal li saret drawwa li jsiru allegazzjonijiet fiergħa mal-Kummissarju għall-Istandards biex imbagħad wieħed jara x’jiġri.
“Attakki bl-addoċċ mill-istess nies mibnija fuq strateġija ta’ fejn laqat laqat, u fejn ħabat ħabat”, irrimarka s-Segretarju Parlamentari li nnota wkoll li min jallega u jħammeġ għandu jkun jaf x’qed jgħid u jkollu l-provi.”
Żied jgħid li f’dan il-każ kien jaf mill-bidu li l-attakk fuqu ma kellu ebda bażi.
Din id-deċiżjoni ġiet ġimgħa wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ċaħad ilment ieħor ta’ Cassola dakinhar fil-kontront tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.