Mill-Ħamis, 17, sal-Ħadd, 20 ta’ Awwissu, se tkun qed issir it-tieni edizzjoni ta’ PINTA Beer Festival, b’aktar minn 300 birra differenti lokali u internazzjonali.
F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li, mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem, Pjazza Tritoni se tkun qed tilqa’ aktar minn 20 produttur u importatur tal-birra biex jesebixxu dan ix-xogħol artiġġjanali tagħhom.
Però dan il-festival mhuwiex biss dwar il-birra.
Biex in-nies ikunu jistgħu jiddevertu, waqt li jgawdu varjetà mill-aktar xarba kkonsmata fid-dinja, se jkun hemm aktar minn 20 band lokali u internazzjonali.
Is-Sibt, 19 ta’ Awwissu, il-palk prinċipali se jkun iddominat b’mużika tas-sebgħinijiet, fosthom dik ta’ ABBA, Dolly Parton, ir-Rolling Stones, Chic u leġġendi oħrajn.
Waqt dan l-avveniment se tkun qed titwaqqaf żona ġdida b’diversi clubnights mdawrin mal-festival.
L-organizzatur ta’ dan l-avveniment, Jonathan Pace, spjega li għal dawk li jħobbu d-divertiment sportiv se jkun hemm ukoll żona b’atleti rinomati u esebizzjonijiet.
Intqal li dan l-avveniment għandu aspett edukattiv b’workshops u masterclasses fejn in-nies jistgħu jitgħallmu dwar il-birer li qed jixorbu. Tenna li dan il-festival għandu xi ħaġa li jolqot lil kulħadd.
“It-tieni edizzjoni ta’ PINTA se nkunu qed nilqgħu ‘l fuq minn 20 kumpanija fejn se jkollna breweries, produtturi, importaturi li se jkunu qegħdin preżenti biex wieħed ikollu l-possibilità li wieħed mhux biss iduq dawn il-birer, imma se jkun hemm ukoll element edukattiv fejn se jkun hemm workshops, masterclasses u programmi oħrajn edukattivi li se jkunu preżenti fi Pjazza Tritoni.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li kien preżenti għal din il-konferenza, qal li l-Gvern irid li kemm il-Maltin, l-Għawdxin u anke t-turisti jkollhom kalendarju ta’ avvenimenti fix-xhur tas-sajf, li aħna tant rinomati għalih.
Bartolo tenna li avvenimenti bħal dawn juru l-professjonalità f’dak li hu tant importanti għal pajjiżna – t-turiżmu.
Sadanittant iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, qal li dan l-avveniment għandu tema ewlenija – dik li ssebbaħ u ssaħħaħ il-prodott turistiku f’pajjiżna. Hu kompla jgħid li, bħala Awtorità, irridu nagħmlu s-sena 2023 waħda memorabbli għat-turiżmu.
“L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hi ffokata fuq is-suċċess. Is-suċċess mhux bin-numri li qegħdin jiġu f’pajjiżna, għax irridu niftakru li l-ewwel sitt xhur kienu l-aqwa ta’ kull żmien fejn għandu x’jaqsam mal-wasliet tat-turisti. Però suċċess ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodott u kwalità ta’ avvenimenti, li aħna nipproduċu jew aħna nappoġġjaw li jiġu mis-settur privat, każ partikolari huwa dan.”