L-editorjal tal-ġurnal L-Orizzont fil-ħarġa tal-Erbgħa tenna li l-aggressjoni vjolenti fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun waqt il-marċ ta’ San Gejtanu, li ħalliet persuna midruba.u operata f’Mater Dei, kompliet tikxef id-dgħufija tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Fil-ħin tal-aggressjoni, Grech, akkumpanjat minn numru ta’ partitarji tiegħu, mar jipprova jidħol fil-każin, iżda ġie rrifjutat l-aċċess fl-istess Każin tal-Partit tiegħu. Fil-kommossjoni li nqalgħet, Grech, minflok ipprova jikkalma s-sitwazzjoni, parpar rasu u qasam għall-faċċata fejn daħal fil-Każin tal-Banda San Ġużepp minn fejn qagħad jitbissem u jxejjer lin-nies mill-gallarija.
Noel Mifsud Bonnici, il-partitarju li kien qiegħed jakkumpanjah, sadanittant spiċċa jaqla’ xebgħa minn numru ta’ partitarji ta’ fazzjoni opposta fl-istess Partit, tant li kellu jiġu operat f’siequ l-leminija minħabba tiċrit ta’ legaments li kkawżawlu, fost ġrieħi oħrajn.
L-editorjal sejjaħ din is-sitwazzjoni, fejn raġel sofra ġrieħi li mistennija jieħdu l-ġimgħat biex jirkupra minnhom minħabba persuni bl-istess fehma politika tiegħu, bħala xi ħaġa tal-mistħija.
L-editorjal ta’ L-Orizzont qal li hu kontra kull forma ta’ vjolenza u sejjaħ episodji bħal dawn bħala xi ħaġa tal-mistħija, fejn persuni li jaġixxu b’mod vjolenti minħabba dak li seta’ kien biss nuqqas ta’ ftehim fil-ħsieb.
Il-fehma ta’ L-Orizzont qalet ukoll li dan l-episodju juri paragun ieħor, fejn filwaqt li Grech qagħad itella’ ritratti jippoża man-nies fl-istess ħin fi Triq il-Kbira San Ġużepp, barman tal-każin tiegħu stess ma ħallihx jidħol minħabba li dan naqas milli jżur il-każin għal madwar sentejn.
L-Editorjal żied jgħid ukoll li, f’dan l-episodju, Bernard Grech naqas bil-kbir hekk kif ħalla partitarju tiegħu waħdu u jispiċċa jmur għall-kura, flok ħareġ għonqu għallih. Dan fl-istess ħin li, bħala Kap, għadu mhux fdat min-nies tiegħu stess.
L-Editur tal-ġurnal tal-General Workers’ Union innota wkoll li għaddew aktar minn tmienja u erbgħin siegħa minn dak li seħħ u Grech u l-Partit Nazzjonalista baqgħu fommhom sieket u mingħajr reazzjoni jew kundanna fuq dak li seħħ.
L-Editorjal itemm jgħid li hi xi ħaġa ironika li, fuq argument f’każin tiegħu stess, Grech ma kienx kapaċ jiċċara l-episodju u jillumina lil kulħadd.
AQRA AKTAR: