L-approvazzjoni b’saħħitha tal-infermiera u l-qwiebel, għall-ftehim settorjali ġdid b’kundizzjonijiet mill-aqwa, kien is-suġġett li tkellem dwaru u ġie mfaħħar mill-editorjal tal-gazzetta ‘L-Orizzont’, fil-ħarġa tagħha, f’nhar Santa Marija.
L-editorjal, intitolat “Kundizzjonijiet aqwa għall-infermiera” jitkellem dwar l-importanza li l-infermiera għandhom fis-soċjetà b’mod speċjali meta faqqgħet l-imxija tal-COVID-19 fl-2020, fejn din il-professjoni uriet kif inhi waħda indispensabbli.
Dan l-editorjal ikkumenta kif bil-ftehim settorjali li kiseb appoġġ b’saħħtu fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-MUMN, b’vot li jlaħħaq is-87%, il-Gvern qed juri kemm jinsab impenjat li jkompli jgħolli l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema.
Dan filwaqt li jkompli jgħid kif permezz ta’ ħidma favur kundizzjonijiet aħjar għal dawn il-professjonisti, l-Gvern qiegħed jagħraf kemm din il-professjoni hija waħda vokazzjonali.
Għalhekk, huwa biss xieraq li l-persuni li jaħdmu f’dan il-qasam ikollhom kundizzjonijiet ekwi biex bihom huma u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità filwaqt li jkompli jimmotivahom iwettqu din il-ħidma b’tant dedikazzjoni.
Is-sentiment espress minn dan l-editorjal huwa wieħed simili għal dak li sostna l-Prim Ministru, Robert Abela fl-aħħar intervista li kellu fuq ONE Radio, l-Ħadd li għadda fejn innota li dan il-ftehim settorjali huwa wieħed storikiu.
Qal, “Dan il-ftehim li wasalna għalih, l-infermiera u l-qwiebel se jkollhom l-aqwa pagi li qatt kellhom f’dan il-pajjiż. Se jkollhom l-aqwa kundizzjoniet tax-xogħol, l-aqwa allowances li qatt kellhom. Għandek prattiċi li jmorru lura għal numru ta’ snin li se nibdluhom f’dan il-ftehim li jittrasformaw ruħhom f’kundizzjonijet tax-xogħol aħjar.”
Fil-fatt, fost il-kundizzjonjiet aħjar li se jkollhom l-infermiera u l-qwiebel huma li f’kull grad se jkunu qed jirċievu ‘management allowance’ u s-6.6 sigħat li l-infermiera u l-qwiebel kien jaħdmu bħala parti mir-roster tagħhom se jkunu mħallsin bir-rata ta’ overtime u mhux bi flat rate fost oħrajn.