Il-midja Taljana qed tirrapporta li l-Ajruport ta’ Fontanarossa f’Katanja nfetaħ mill-ġdid fis-6 ta’ dalgħodu.
Dan hekk kif ilbieraħ filgħodu dan l-ajruport ingħalaq minħabba li żbroffa l-vulkan Etna. Dan wassal biex is-sitt titjiriet tal-Air Malta li kellhom isiru lbieraħ minn u lejn Katanja tħassru.
Il-midja Taljana rrappurtat li l-ewwel ajruplan li nieżel f’dan l-ajruport f’Katanja kien ġej minn Malta u nieżel għall-ħabta tas-7:20 ta’ dalgħodu.
Sadanittant, is-Sindku ta’ Katanja pprojbixxa wkoll l-użu ta’ muturi u roti minħabba n-nuqqas ta’ viżilibilita fit-toroq.
Din hija t-tieni darba f’dan is-sajf, li l-ajruport ta’ Katanja ngħalaq. Dan hekk kif f’nofs ix-xahar li għadda ngħalaq minħabba n-nirien li qabdu fih kawża tat-temp estrem.