Fi tliet lokalitajiet mal-baħar – Birżebbuġa, San Pawl il-Baħar u Marsaskala – fi tmiem din il-ġimgħa se kun hemm parati, karrijiet u gruppi ta’ żeffiena fit-toroq waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Karnival tas-Sajf.
Dan l-avveniment qed ikun organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali rispettivi u se jkun qed iseħħ f’dawn il-lokalitajiet fi ġranet differenti mit-18 u l-20 ta’ Awwissu mit-8pm ‘il quddiem.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta, Jason Busuttil qal li wara waqfa ta’ tliet snin se jkun qed jerġa’ jiritorna l-Karnival tas-Sajf f’tliet lokalitajiet, fejn fl-edizzjoni se naraw ħdax-il karru kif ukoll parteċipant mill-gżira Għawdxija.
Huwa żied jgħid li dawn is-serati se jkunu mżejna bi żfin u allegrija kif jafu jagħmlu l-parteċipanti tal-karnival Malti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius qal li din l-attivita għandha importanza konsiderevoli hekk kif filwaqt li jagħti opportunità oħra lill-artisti dilettanti tal-Karnival sabiex juru x-xogħol brillanti tagħhom, in-nies li jgħixu Malta u Għawdex ikollhom toma żgħira ta dak li jistgħu jistennew fil-Karnival ta’ Malta li jsir fi Frar.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li l-Karnival tas-Sajf huwa mezz li bih jiġi mxerred it-talenti tad-dilettanti tal-karnival ma’ udjenza aktar wiesgħa fiż-żmien meta pajjiżna jara l-aktar turisti matul is-sena
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li qal li l-Karnival tas-Sajf hu opportunita’ oħra biex l-artisti bravi mmens li jaħdmu fil-qasam tal-Karnival jesebixxu t-talenti tagħhom lill-pubbliku u lit-turisti li jżuruna fil-ġranet Sajfin.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ Il-Karnival tas-Sajf 2023, żur www.festivals.mt/karnival.