Fabio Palumbo ta’ erbgħa u erbgħin sena minn Sqallija inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’importazzjoni ta’ droga.
Huwa tressaq il-Qorti wara investigazzjoni intensiva li għamlet il-Pulizija fl-aħħar jiem fejn ġabret informazzjoni li kien se jsir trasferiment ta’ droga f’pajjiżna.
Fil-Qorti nstema’ li, kmieni s-Sibt 12 ta’ Awwissu, il-Pulizija bdiet osservazzjoni fuq trailer f’Ta’ Qali u li fih kien hemm żewġ persuni.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li kien hawn li l-akkużat niżel mit-trailer b’pakkett iswed f’idu u telaq minn fuq il-post b’taxi. Hawn il-Pulizija saqet wara t-taxi fejn interċettaw lill-akkużat f’San Pawl il-Baħar.
Minn tfittxija fil-basket nstabu għaxar pakketti, li b’kollox jammontaw għal 10 kilogrammi, ta’ sustanza suspettata droga kokaina. Jirriżulta li, fis-suq, id-droga ġġib il-valur ta’ xejn inqas minn €1.3 miljun.
Quddiem dawn l-akkużi, Palumbo wieġeb mhux ħati u ma talabx għal ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard.