F’dawn l-aħħar ġimgħat, vettura amfibja f’Għawdex attirat l-attenzjoni ta’ bosta, minħabba l-oriġinalità tagħha. Dan għall-fatt li dik li tidher bħala karozza normali, hi fil-fatt dgħajsa wkoll u kapaċi tinstaq fuq il-baħar.
Din hi l-ewwel SUV amfibja f’Malta u s-sidien tagħha, Joel Hili u Mark Zarb Cousin, ġabuha f’pajjiżna biex jagħtu esperjenza unika lil dawk li jagħżlu jirkbuha.
Il-vettura, li waslet f’Malta s-sena li għaddiet, inbniet minn partijiet ta’ karozza tal-għamla Suzuki Jimny. Għandha l-qiegħ magħmul mill-fibreglass u hi mgħammra b’sistema ta’ propulsjoni bil-jet tal-ilma. Hija attrazzata wkoll b’tagħmir tas-sigurtà inkluż apparat tat-tifi tan-nar, ġkieket tas-salvataġġ, Medikit, flares u radju VHF.
ONE news tkellem mas-sidien ta’ din il-vettura. Hili stqarr li l-idea biex jixtri vettura amfibja ġietu f’moħħu meta darba minnhom hu kien mar jistad ma’ ħabib tiegħu bid-dgħajsa u beda jinnota li m’hemmx kumdità u b’hekk xtaq isib mezz ieħor b’nuqqas ta’ strapazz.
Qal, “X’ħin trid titla’ bid-dgħajsa trid toqgħod tvara, x’ħin tvara trid tara fejn se tpoġġi l-karru, trid tara kif torbot id-dgħajsa mal-moll, trid terġa tmur iġġib il-karru u ġietni din l-idea li kieku nsib xi ħaġa li ma jkolliex dak l-istrapazz kollu aħna ngħidulu.”
Il-vettura nbniet mill-kumpanija tal-manifattura Dutton u ħadet aktar minn sena biex inbniet b’tali mod li tkun tiflaħ għall-baħar.
Din il-vettura amfibja tista’ tinstaq fuq l-art b’veloċità ta’ 85 kilometru fis-siegħa, waqt li fuq l-ilma ma taqbiżx is-sitt knots. Minkejja dan, xorta waħda toffri rikba divertenti fost opri oħrajn tal-baħar, anke jekk qisha ħierġa minn xi film ta’ Herbie.
Joel Hili tana wkoll spjegazzjoni tal-fatturi li jagħmlu din il-vettura daqsekk komda.
Qal, “L-aktar ħaġa komda li fiha hija li qiegħed id-dar pereżempju jew qiegħed x’imkien u just tlajt fuqha, inżilt il-baħar sibt any slipway, any slipway li hawn madwar il-gżira, inżilt, ħriġt fuq il-baħar, erġajt mort lura, back to the garage, lura għal garage jew id-dar naturalment.”
Fid-dashboard tagħha, minbarra l-isteering, il-vettura għandha l-istrumenti kollha komuni, bħar-radju u arja kkundizzjonata li jinstabu f’karozza, waqt li hi mgħammra wkoll b’kumpass għat-tbaħħir u apparat li jkejjel il-fond tal-baħar.
Din mhix l-ewwel vettura amfibja li qatt kien hawn f’pajjiżna, tant li fil-ħamsinijiet ukoll kien hawn tank tal-gwerra amfibju stazzjonat bħala parti mis-servizz militari Britanniku.
Aktar riċenti fl-2007 kien hawn kowċ amfibja, li nbniet f’Malta stess u ġiet iddiżinjata minn tim iffinanzjat mill-Iskoċċiż George Smith, u fl-2018 kienet teżisti wkoll vettura privata simili.