Il-Perit u sindku Mosti Chris Grech xejjen il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-proġett fil-pjazza tal-Mosta.
Grech sostna dan waqt li ONE News żar il-wirja li qed tittella’ b’informazzjoni dwar ix-xogħol li għaddej bħalissa tal-proġett tal-pjazza ewlenija tal-Mosta.
Proġett li huwa ntiż sabiex itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-Mostin u tan-negozji f’dawn l-inħawi.
Ma’ ONE News, is-Sindku Mosti sostna li l-Kap Nazzjonalista żar ix-xogħlijiet propju ftit tal-jiem ilu mingħajr ma’ żar il-wirja li ttellgħet bi qbil unanimu bejn il-Kunsilliera tal-lokalità.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ġimgħa għoġbu jiġi hawnhekk stess mingħajr ma ndenja jidħol iżur din il-wirja li l-kunsill Lokali bi qbil unanimu qbilna li nagħmlu biex ir-residenti Mostin ikunu jistgħu jaraw iktar f’dettall kif ġejja l-pjazza u qal li dan il-proġett se jitħalla ħafna dejn. Dan mhuwiex minnu. Dan il-proġett qed isir infrastrutturalment minn Infrastructure Malta u l-pavimentar b’kolloborazzjoni mal-Kunsill lokali tal-Mosta fejn qed nużaw flus mill-Awtorita tal-Ippjanar u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li huma mfaddla bħala Development Planning Funds.”
Grech ikkoreġa lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech wara li sostna li ma saret l-ebda konsultazzjoni dwar dan il-proġett.
“F’Jannar saret laqgħa pubblika, tqassmu l-ittri mal-Mosta kollha, saru l-avviżi u r-reklami, attendew nies residenti, is-sidien tan-negozji, għaqdiet fejn imbagħad tajna perjodu għal konsultazzjoni man-nies u wara evalwajna t-talbiet li talbu biddilna, u tlajna bil-proposta finali il-kunsill u Transport Malta jiġifieri mhux minnu li ma saret l-ebda konsultazzjoni.”
Irrimarka li wkoll kif il-Kap Nazzjonalista lanqas biss attenda għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni minkejja li issa qed jikkritika l-proġett.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni għoġbu jikkumenta dwar dan il-proġett ma jispiċċa qatt u m’hemm data ta’ meta se jkun lest. Infakkru li fil-laqgħa tal-konsultazzjoni li hu għoġbu ma jattendiex avolja residenti il-Mosta aħna mill-ewwel avżajna li dan huwa proġett li se jieħu sa tmiem is-sena.”
Il-Perit Grech tkellem ukoll dwar il-kritika b’rabta mal-festa.
“Se ssir festa kbira bħal ma ssir kull sena fil-Mosta. Ovvjament huwa post li għaddejja l-kostruzzjoni però saret il-waqfa, sar it-tindif, sar dak kollu meħtieġ sabiex ikun hawn festa f’ambjent sikur u f’ambjent kif tkun iċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija.“