L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tinsab għaddejja b’ritmu li tirdoppja n-numru ta’ spezzjonijiet fuq siti ta’ kostruzzjoni meta mqabbel mal-2021.
Irrappurtat dan il-gazzetta The Times, fil-ħarġa tagħha tas-Sibt hekk kif spjegat li sa Lulju ta’ din is-sena saru 7,159 spezzjoni. Medja ta’ 34 spezzjoni kuljum.
Meta wieħed iqabbel dan mal-2021, is-sena li fiha twaqqfet l-Awtorità, jinstab li f’dak il-perjodu saru 6,286 spezzjoni. Medja ta’ 17-il spezzjoni kuljum.
Fis-sena ta’ wara, jiġifieri l-2022 saru b’kollox 10,298 spezzjoni jew medja ta’ 28 spezzjoni kuljum.
Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-istess Awtorità ħarġet 424 multa. Medja ta’ 60 multa kuljum. Fl-2021 ingħataw biss 68 multa filwaqt li fl-2022 ingħataw 129.
Dan ifisser li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni qed tagħti 10 darbiet iktar multi mill-2021. Dan jista’ jiġi attribwit għal leġislazzjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ f’Diċembru tal-2022.
Intant inħarġu 259 ordni biex jieqfu x-xogħlijiet bejn Jannar u Lulju. Dan meta kkumparat ma’ 59 biss fl-2021 u 350 ordni tul is-sena li għaddiet kollha.
Quddiem dawn iż-żidiet fl-infurzar mill-Awtorità, il-Kap Eżekuttiv Jesmond Muscat sostna mal-istess gazzetta li n-numru ta’ l-uffiċjali li jispezzjonaw is-siti ta’ kostruzzjoni żdiedu b’10, biex b’hekk b’kollox illum hemm 21.