Is-Sezzjoni Żgħażagħ tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba qegħdin igawdu grazzi għal proġett artistiku imsemmi ‘Sopraporta’ li ra l-produzzjoni sħiħa ta’ pavaljun għall-festa tar-raħal.
Dan il-proġett, li l-għan tiegħu kien li tinżamm u titkattar parti mill-kultura tradizzjonali fejn jidħlu festi fl-ibliet u l-irħula, kien mgħejjun b’finanzjament ta’ aktar minn €14,500 mill-iskema favur proġetti ta’ Organizzazzjonijiet Volontarji, fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Il-proġett kien jinvolvi l-produzzjoni sħiħa ta’ pavaljun, mid-disinn għat-tifsil, qtugħ ta’ drappijiet skont id-disinn, fost oħrajn.
Il-pavaljuni, il-libsa li jingħataw it-toroq u l-pjazez fl-istaġun tal-festi huma parti essenzjali mill-kultura tradizzjonali Maltija fejn jirrigwarda festi. Il-parteċipanti ngħataw l-għarfien dwar is-sengħa meħtieġa għall-produzzjoni tal-pavaljun u setgħu japprezzaw aktar kemm xogħol tinvolvi l-produzzjoni tal-pavaljun.
Is-Sur Mauro Pace Parascandalo li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat innota s-sabiħ ta’ dan il-proġett li qiegħed jgħin għaqdiet volontarji li huma eżempju ħaj tal-kultura Maltija.
Qal, “Huwa wkoll aspett ta’ kif inżommu l-kultura ħajja, jiġifieri kif dawn iż-żgħażagħ mhux dejjem nirreplikaw esebizzjonijiet jew kunċerti imma is-snajja Maltija, tal-armar tal-festa iżommuha ħajja u jitgħallmuha biex huma stess ikunu jistgħu jmiddu idejhom u jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.”
Il-Ministru responsabbli mis-settur tal-volontarjat f’pajjiżna, Julia Farrugia Portelli, iddeskriviet il-proġett bħala wieħed uniku.
Qalet, “Fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ dan il-proġett huwa wieħed uniku u straordinarju fih innifsu għaliex jgħaqqad mhux biss il-ġenerazzjoni żagħżugħa ma’ dik adulta imma wkoll jippreserva t-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija, l-isnajja.”