Negozjant Taljan, qed jiġi mixli li ffroda lill-konsumaturi tiegħu, permezz ta’ depożiti fuq għamara importata.
Giordano Domenico Perucchini, ta’ 56 sena u li joqgħod il-Pietà, allegatament kien jitlob 50% depożitu fuq l-għamara, li għal xi raġuni ma kinitx tasal.
Hu qed jiġi mixli li ffroda 7 persuni, bl-ammonti jvarjaw bejn €500 u €5,000.
Huwa ġie arrestat nhar il-Ġimgħa, u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Avukat ta’ Perucchini spjega kif huwa kien għaddej minn żmien diffiċli hekk kif is-sieħba tiegħu kienet marida.
Żied jgħid li l-imputat ġie wkoll iffrodat u li kellu l-problemi mad-distributur f’Palermo.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u r-raġel baqa’ jinżamm arrestat.