It-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar.
Jiddominaw il-bnadar Mezzasta. L-Imqabba. Ir-raħal, li tant kien jgħożż u li għal xi żmien serva wkoll bħala s-sindku tiegħu.
Sens t’apprezzament lejn dan il-ġentlom b’qalb kbira, Nicky Briffa, li ħalla din id-dinja fl-eta ta’ 76 sena.
Briffa għamel xogħol kbir ukoll fl-istazzjonijiet ONE, fejn kien saħansitra serva bħala kontrollur finanzjarju għal diversi snin u ħadem b’lealtà sħiħa lejn dak li kien jemmen fih.
Nicky Briffa kien imzejjen b’ħafna talenti fosthom ukoll artistiċi. Kellu passjoni kbira lejn il-maġija. Ħadem bħala attur fi produzzjonijiet u għamel għadd ta’ props b’tant reqqa u preċiżjoni.
Kull ma kien jagħmel kien jagħmlu b’serjeta u impenn. Kien jirrispetta l-opinjoni ta’ kulħadd. Persuna ta’ umilta kbira, ġenwina u ġusta mingħajr ma tiftaħar u tmexxi bl-eżempju tal-ħidma tiegħu.
Għall-funeral attendew ukoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Robert Abela.
L-aħħar tislima lil Nicky Briffa, ir-raġel ħabrieki, li llum m’għadux magħna iżda l-marka tiegħu se tibqa’ minquxa f’dawk kollha li ħadmu miegħu kemm meta kien imexxi il-Kunsill Lokali tal-Imqabba kif ukoll fis-snin li fihom ħadem b’għożża fi ħdan l-istazzjonijiet One sa mill-bidu tagħhom.
Nicky Briffa kien miżżewweġ lil Ġina u kien missier ta’ tnejn – Aldo u Aaron.