Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorita tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni ta’ żvilupp proposta li twaqqa’ dar eżistenti u tibdilha fi blokk ta’ appartamenti ta’ erba’ sulari u penthouse fil-Fgura.
Fi stqarrija, l-Awtorita tal-Ippjanar qalet li minkejja li s-sit jinsab barra Żona ta’ Konservazzjoni Urbana u l-iżvilupp propost kien konformi mal-policies tal-pjan lokali, il-Kummissjoni qalet li l-għoli tal-bini propost se jħassar b’mod defenit id-dehra viżwali u urbana eżistenti madwar Pjazza Patri Redent Gauci f’din il-lokalita.
Il-Kummissjoni sostniet li dan il-proġett se jtellef l-armonija viżwali ta’ din iż-żona.
L-Awtorita tal-Ippjanar qalet li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni simili meta rrifjutat applikazzjoni ta’ żvilupp fi Triq Santa Margerita f’Tas-Sliema. Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-għoli u l-volum tal-blokk tal-appartamenti propost kienet se tikkomprometti l-istreetscape ta’ żewġ jew tliet sulari.