Ġnien il-Kunsill Lokali fix-Xewkija se jkun l-ewwel wieħed ekoloġiku u carbon neutral f’Għawdex, b’tekonoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinovabbli, bħal wind tree u kinetic flooring, fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, is-Sindku tax-Xewkija, Hubert Saliba, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, żaru l-post fejn se jsir il-proġett u taw spjegazzjoni dettaljata tiegħu u l-progress li se jwassal għall-ħolqien tiegħu.
Il-pjani l-ġodda, li diġà ġew proposti lil-Awtorità tal-Ippjanar, jipproponu li dan il-ġnien jiġi riġenerat bl-aktar mod sabiħ għal kull min ikun jixtieq imur iqatta ftit mill-ħin liberu tiegħu u b’hekk se jinkludi spazju aħdar effiċjenti u awto-suffiċjenti, siġar u arbuxelli ġodda, dawl, Ii jaħdem permezz ta’ sistemi solari, ġibjuni għat-tisqija, b’sistemi li jnaqqsu l-ħela tal-ilma, USB charging stations u diversità ta’ bankijiet .
Żviluppi oħrajn, li se jintroduċu l-Project Green u l-Kunsill Lokali, huma sistemi ta’ enerġija rinovabbli, inkluża wind tree, li tiġġenera l-elettriku permezz ta’ turbini tar-riħ żgħar, u kinetic flooring, tagħmir ieħor innovattiv li jitwaħħal mal-art biex jiġġenera l-elettriku kull meta persuna tgħaddi minn fuqu bil-mixi.
Dan il-ġnien se jkollu passaġġi b’materjali, li jassorbu l-ilma tax-xita, u fihom jsiru wkoll kinetic jumping pods u spring riders, li wkoll jiġġeneraw dawl u ħsejjes waqt li t-tfal ikunu qed jilagħbu fihom.
Ġnien il-Kunsill se jinkludi wkoll tagħmir ieħor għal-logħob bħal żrieżaq u mini.
Il-Ministru Dalli spjegat kif is-sena li għaddiet sar il-ftuħ tal-ewwel ġnien carbon neutral f’Malta, fil-Kalkara, li ntlaqa’ tajjeb ħafna u b’hekk l-entitajiet tal-Ministeru qed jistinkaw biex isiru aktar spazji miftuħa sostenibbli simili.
“Qed nikkollaboraw ma’ diversi entitajiet u individwi involuti f’dan il-qasam, fosthom il-kunsilli lokali, biex flimkien nerġgħu nagħtu l-ħajja lil ġonna eżistenti, filwaqt li nkomplu noħolqu spazji ħodor ġodda. Fl-istess waqt, irridu li dawn l-ispazji jkunu aktar sostenibbli, permezz ta’ infrastruttura, li taħżen l-ilma tax-xita, iżjed siġar u arbuxelli indiġeni, materjali riċiklabbli u teknoloġiji t’enerġija rinnovabbli,” sostniet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Camilleri, min-naħa tiegħu, qal li jinsab ferm eċċitat biex jara l-ewwel ġnien ekoloġiku jinfetaħ fil-gżira Għawdxija.
“Dak li wegħdna, li noffru aktar spazji miftuħa u spazji ħodor lin-nies, qed inwettquh anke f’Għawdex, mhux biss permezz ta’ dan il-proġett, imma oħrajn, bħal-Learning Garden, li għadna kif inawgurajna f’Għajnsielem u l-proġett Victoria Park, li bħalissa għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni dwaru. Dan se jikkonsisti mhux biss f’parkeġġ taħt l-art imma wkoll spazju miftuħ b’park fuq 20 tomna fiċ-ċentru tar-Rabat”, qal il-Ministru għal Għawdex.