Fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali Hamrun Spartans ġew megħluba minn Ferencvarosi TC tal-Ungerija bl-skor ta’ 6 – 1, bil-konfront jimmaterjalizza fit-tieni taqsima hekk kif ġew skorjati sitt gowls.
L-Ungeriżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mill-bidu għaliex wara biss ftit sekondi irnexxilhom isibu x-xibka b’ġmiel ta’ gowl skorjat minn Mohammad Abu Fani.
Ir-reazzjoni ta’ Hamrun Spartans kienet waħda tajba hekk kif fit-tmien minuta konklużjoni ta’ Seth Paintsil ġiet salavata mill-gowler Dibusz. Tlett minuti wara kien mill-ġdid Dibusz fil-lasti ta’ Ferencvarosi li salva żewġ tentattivi ta’ Paintsil.
Minn hawn il-quddiem l-Ungeriżi ħadu l-kontroll tal-partita u kellu jkun l-ex goalkeeper internazzjonali Taljan Federico Marchetti li jżomm lill-Spartans fil-logħba sal-ewwel taqsima. Bla dubju wieħed mill-aktar plejers li kien konsistentament qed johloq periklu għal Hamrun kien Adama Traore li fil-16 il-minuta fajjar xutt sabiħ li Marchetti salva b’diffikulta. Lis-stess plejer disa minuti wara kien perikoluż meta mattar saqajħ għal kross mix-xellug iżda Marchetti mill-ġdid ċaħdu.
Ma’ kważi nofs siegħa logħob Ferencvarosi viċin it-tieni gowl b’konklużjoni ta’ Mohamed Ali Ben Romdhane li Marchetti salva bl-ewwel taqsima tintemm 1 – 0.
L-Spartans krollaw mal-bidu tat-tieni taqsima hekk kif f’spazzju ta’ kwarta sofrew xejn anqas minn erba gowls.
Fil-51 minuta Kristoffer Zachariassen irnexxilu jagħmel l-iskor 2 – 0 b’daqqa ta’ ras biex sekondi biss wara Barnabas Varga għamilhom tlieta.
Ċertament maħsuda minn dawn iż-żewġ gowls f’spazzju ta’ ftit sekondi, Varga kompla jagħmel ħerba għaliex fil-56 u fil-65 minuta irnexxilu jerġa jsib ix-xibka f’żewġ okkażjonijiet biex għamel l-iskor 5 – 0.
L-Ungeriżi ma’ ħafrux tant li baqgħu jkunu perikolużi fejn saħansitra laqtu l-lasta f’żewġ okkażjonijiet oħra meta r-riżultat kien dak ta’ 5 – 0.
Fil-89 minuta s-sostitut Luke Montabello naqqas id-distakk għal 5 – 1 iżda appena tkompliet il-partita, Ferencvarosi reġgħu kabru l-vantaġġ għal 6 – 1 b’gowl skorjat minn Tokmac Nguen.
Hamrun jerġgħu jaffaċjaw lill-Ferencvarosi l-Ħamis 17 t’Awwissu din id-darba fl-Ungerija.