Ramirez Vella, ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien, ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li għen lil ħabib tiegħu li kien qed jiġi aggredit mill-ġar tiegħu.
L-inċident seħħ nhar it-Tnejn meta allegatament seħħ argument bejn il-ħabib tal-akkużat u l-ġar tiegħu.
Intqal kif waqt dan l-argument, il-ħabib tal-imputat qala’ daqqa ta’ pala, bir-riżultat li ta daqqa ta’ ponn lura.
Id-difiża qalet li l-imputat ried biss jaqbeż għall-ħabib tiegħu, waqt li l-Prosekuzzjoni tenniet li sieħbu seta’ għamel rapport mal-Pulizija.
Vella wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li kkawża ġrieħi gravi, li ġarr arma mingħajr liċenzja u li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail.
Intqal ukoll kif, minkejja li Vella kien magħruf mal-Pulizija fil-passat, dan l-aħħar kien għamel progress.
Wara li nstemgħu s-sottomissjonijiet fil-Qorti, il-Maġistrat Joseph Gatt tah il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000. Hu jrid ukoll jiffirma l-ktieb tal-bail, jidħol id-dar fil-ħinijiet imposti fuqu u ma jersaqx lejn il-Fgura, fejn seħħ l-inċident.
Dan filwaqt li Vella ma jistax jikkuntattja lill-vittma.