Ħalliel li daħal biex jisraq ir-residenza tal-Għawdxi Paschalino Cefai, magħruf sew mal-Pulizija, spiċċa ħareġ b’xejn u bi ġrieħi serji f’wiċċu, wara ġlieda li kellhom iż-żewġt irġiel.
Cefai allegatament weġġa’ serjament lil Viktor Markovic, Serb ta’ 39 sena, li pprova jidħol fid-dar tiegħu fiż-Żebbuġ, Għawdex.
Intqal kif Markovic spiċċa bi ġrieħi serji wara li Cefai gidimlu parti minn wiċċu.
Iż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti separatament.
Markovic qed jiġi mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail, b’rabta ma’ każ ta’ serqa oħra, li kien allegatament wettaq fin-Naxxar.
Cefai riċentament ukoll ġie mixli li kkawża ġrieħi fuq is-sieħba tiegħu wara li allegatament ikkawżalha biża’, fost l-oħrajn.
Id-difiża qalet li dan il-każ kien wieħed ta’ difiża personali, hekk kif Cefai kien rieqed fil-ħin li Markovic daħal fir-residenza tiegħu.
Minkejja l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, Cefai ngħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.
Markovic ukoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000u garanzija personali ta’ €14,000.