Hekk kif fix-xhur sajfin il-bankijiet tal-iskola jkunu vojta, bħalissa għaddej xogħol kbir ta’ manutenzjoni, tisbiħ u modernizzar fl-iskejjel kollha li jifformaw il-kulleġġi skolastiċi madwar il-pajjiż, biex la jidħlu lura f’Settembru, l-istudenti jsibu ambjent ferm aħjar.
Din il-ħidma mill-Ministeru għall-Edukazzjoni qed issir minbarra l-ħidma fuq l-infrastruttura u l-bini ta’ skejjel ġodda u l-imodernizzar u t-tkabbir. Dan l-investiment jammonta għal madwar miljun ewro.
Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li x-xogħol isir abbażi tal-bżonn u jvarja minn tikħil, tibjid, twaħħil ta’ madum, tibdil ta’ suffitti, tisbiħ tal-klassijiet, tibdil ta’ membranes u aperturi u installazzjonijiet ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda, fost l-oħrajn.
Qal li minkejja li x-xogħol isir is-sena kollha, ix-xhur tas-sajf jagħtu lok biex dan ix-xogħol jintensifika.
Qal, “Dan isir fix-xhur tas-sajf biex nassiguraw li meta l-istudenti jerġgħu lura, għas-sena akkademika tagħhom isibu ambjent li jkun jilqagħhom, li jkun dinjituż.”
Fost l-iskejjel li qed jaraw investiment massiċċ fl-infrastruttura hemm il-Kumpless edukattiv tar-Rabat, Għawdex, l-iskola tar-Rabat f’Malta, l-iskola tal-Imsida, dik ta’ Ħal Għaxaq, kif ukoll faċilitajiet sportivi ġodda u sala fl-iskola ta’ Santa Luċija.