Lulju tniżżel fl-istorja ta’ pajjiżna, bl-ogħla temperatura medja qatt irreġistrata f’pajjiżna, dik ta’ 29.6°C.
L-aħħar temperatura medja simili, kienet ġiet irreġistrata lura fl-1999, meta kienu ntlaħqu d-29.2°C.
Apparti minn hekk, għal sitt ijiem konsekuttivi, it-temperatura massima varjat bejn l-40°C u t-42.7°C.
Dan hekk kif pajjiżna ntlaqat minn mewġa ta’ sħana, fuq il-medda ta’ għaxart ijie, fejn għal sitt ijiem konsekuttivi, it-temperatura qabżet l-40°C.
Din il-mewġa ta’ sħana ikkaratterizzat ukoll diversi pajjiżi Ewropej, fejn saħansitra kkawżat nirien u qtugħ fil-provvista tad-dawl, bħalma ġara f’pajjiżna.
Tul dan ix-xahar ġew imkejla wkoll 382 siegħa xemxija.
Anke fl-inqas ġurnata mdawla, ġew imkejla 10.7 sigħat xemxin.
Minkejja dan, Awwissu tal-1999, xorta waħda għadu jżomm ir-rekord tal-ogħla temperatura, dik ta’ 43.8°C.
Ħarsa lejn it-temperatura massima turi li f’xejn inqas minn 24 ġurnata matul ix-xahar ta’ Lulju, it-temperatura kienet ogħla min-norma klimatika ta’ 31.7°C.
L-aktar temperatura baxxa kienet imkejla fis-6 ta’ Lulju meta niżlet għal 21.1°C, jiġifieri inqas min-norma klimatika.
Lura fl-1980, l-inqas temperatura kienet niżlet sa 15.5°C li hija ħafna aktar viċin in-norma għal Novembru milli dik għal Lulju.
Il-koperatura medja tas-sħab kienet ta’ 0.3 oktas li wkoll hija inqas mill-medja ta’ 0.8 oktas
Lulju ma pproduċiex xita hekk kif in-norma tax-xahar għax-xita hija ta’ 0.1mm.
Filwaqt li Lulju kien aktar kalm milli mistenni, l-aktar buffura b’saħħitha waslet fit-tieni jum tax-xahar mill-Majjistral u laħqet il-31 knot.
Ir-riħ mill-Majjistral lejn l-aħħar tax-xahar ġab miegħu temperaturi aktar friski.