Intgħazel il-konsorzju għall-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid. Dan wara proċess ta’ tendering fejn b’kollox tefgħu l-offerta tagħhom tmien kuntratturi.
Dawn id-dettalji ingħataw mic-chairman tal-kunsill konsultattiv għan-nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis li spjega li hekk kif jgħaddi l-perjodi għall-appelli, ix-xogħol fil-pjazza tar-Raħal Ġdid jibda minnufih. Bil-kuntrattur irid ilesti x-xogħlijiet fi zmien sena u tliet xhur inkella jibda jeħel il-multi.
B’investiment ta’ tliet miljun ewro, il-proġett f’Raħal Ġdid se joffri spazji pubbliċi u joħloq aktar opportunitajiet tax-xogħol fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li qed isiru fin-nofsinhar ta’ Malta, wara li l-gvern sema’ l-ilmenti taċ-ċittadini li ħassew li taħt amministrazzjoni preċedenti in-naħa ta’ isfel ta’ Malta tħalliet fis-stat ta’ abbandun.
Filfatt, il-Ministru Helena Dalli spjegat kif fl-aħħar ġimgħat il-gvern sema’ t-tħassib tar-residenti ta’ Ħaz-Żabbar li bdew jibżgħu jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ fi ġnien Misraħ is-Sliem minħabba li kien qed isir serq, abbuż u vandalizmu.
Għaldaqstant, ġew installati numru ta’ cameras tas-sigurtà biex apparti li tnaffar il-kriminalità, jekk din isseħħ, il-pulizija tkun tista’ tagħmel ix-xogħol investigattiv tagħha.
Barra minn hekk twaħħlet ukoll sistema ta’ WIFI.
Il-Ministru għad-djalogu soċjali u l-affarijiet tal-konsumatur Helena Dalli spjegat kif dawn il-proġetti zgħar, jagħmlu differenza kbira fil-ħajja taċ-ċittadini.