Greenserv u Project Green se jibdew ix-xogħlijiet biex żona fil-Birgu tinfetaħ għall-pubbliku sa mis-sena d-dieħla b’diversi faċilitajiet ta’ rikreazzjoni.
Dan l-ispazju miftuħ ta’ madwar 9,000 metru kwadru, ikbar mid-daqs ta’ grawnd tal-futbol, se jkun qed jinkludi post għall-pikniks, logħob għat-tfal u park għall-klieb.
Il-post jinsab fil-qalba tal-Kottonera u jagħmel parti mill-fortifikazzjonijiet ta’ Santa Margerita.
Il-proġett ġie mfassal apposta biex il-passaġġi u l-faċilitajiet ġodda ta’ rikreazzjoni jsiru b’ħarsien sħiħ lejn il-wirt storiku ta’ dawn l-inħawi u mingħajr ebda impatt fuq is-siġar maturi li diġà hemm. Fil-fatt dawn is-siġar se jibqgħu jiġu mħarsa biex ikomplu jsebbħu dan l-ispazju mħaddar.
Il-passaġġi l-ġodda madwar is-siġar se jagħmlu dan il-post aċċessibbli għal kulħadd.
Se tiġi installata wkoll sistema ta’ dwal, li partijiet minnha se jieħdu l-enerġija minn pannelli solari ġodda fl-istess ġnien.
It-tagħmir kollu meħtieġ se jkun magħmul minn injam sostenibbli u materjal riċiklat filwaqt li l-passaġġi se jsiru minn materjal ambjentalment sostenibbli.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, spjegat li b’dan l-investiment ta’ madwar nofs miljun ewro, il-komunità fil-Birgu, Bormla u l-Kalkara se jkollhom spazju miftuħ ieħor fejn jistgħu jmorru għall-mistrieħ qrib in-natura.
L-implimentazzjoni tal-proġett, kif ukoll il-manutenzjoni fit-tul tal-ġnien meta jkun lest, ġew ippjanati biex ikollhom l-inqas emissjonijiet tal-karbonju possibbli. B’hekk, il-proġett ikompli jagħti prijorità lis-sostenibbiltà.
Preżenti mal-Ministru Dalli kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, u s-Sindku tal-Birgu John Boxall.