Waqt il-preżentazzjoni tal-MHRA Hotel Performance Survey għat-tieni kwart tal-2023 il-kap tad-dipartiment tal-ESG tal-bank BOV, Clint Flores saħaq dwar l-importanza li jinżamm l-impenn favur l-implimentazzjoni tal-ESG u l-ħidma sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal- Unjoni Ewropeja.
Huwa qal li dan is-survey li ġie kkumissjonat mill-BOV u l-MHRA qed jiġbor informazzjoni minn diversi lukandi u stakeholders lokali u spjega kif l-istatistika miġbura diġà qiegħda tbassar saħansitra aktar wasliet ta’ turisti mqabbel mal-2019, li kienet sena rekord.
Huwa qal li l-industrija għandha tistabbilixxi objettivi favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll tal-użu tal-enerġija. Huwa qal li dan ikun ta’ benefiċċju doppju għaliex ikun qed inaqqas kemm l-spejjez fl-enerġija kif ukoll id-dannu ambjentali.
Huwa qal li x-xejra ta’ żieda fl-influss ta’ turisti kif ukoll t-tibdil fil-klima ser ikunu qed joħolqu sfidi ġodda.
Huwa għalhekk li saħaq fil-bżonn ta’ aktar investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż fosthom fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u l-enerġija kif ukoll fis-sistema tad-drenaġġ.
Is-sur Flores appella wkoll sabiex il-lukandiera ikunu aktar innovattivi fosthom billi jintroduċu sistemi ġodda ta’ enerġija rinovabbli, ilqugħ ta’ ilma kif ukoll ta’ purifikazzjoni fost oħrajn.
Huwa qal li dawn il-prattiċi jkomplu jgħinu sabiex tkompli t-transizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari.
Temm billi qal li l-kobor ta’ pajjiżna għandu jgħin sabiex il-protagonisti ewlenin tal-industrija jingħaqdu sabiex jonqos l-impatt ambjentali u jersqu aktar viċin lejn it-twettieq tal-miri għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda.