Erbgħin rekluta ġdid ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli wara li temmew b’suċċess il-kors ta’ taħriġ, li dam għaddej seba’ xhur.
It-taħriġ, li tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi aspetti fiżiċi u akkademiċi, hu wieħed akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.
Dan se jwassal biex dawn il-kuntistabbli l-ġodda jibdew jagħtu servizz lill-komunità u lil pajjiżna.
B’kollox f’dan il-kors ġew mgħallmin 63 suġġett, bħall-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, ir-regoli u l-proċeduri, l-investigazzjonijiet f’reati bħall-vjolenza domestika, l-abbuż tat-tfal fuq siti elettroniċi, offiżi sesswali u għarfien dwar is-saħħa mentali, fost oħrajn.
Il-premju tar-rekluta l-aktar li ddistingwa ruħu, il-“PC Mark Farrugia Award” ingħata lil Luca Mifsud, li tkellem dwar is-sodisfazzjon li toffri x-xogħol ta’ Pulizija.
Il-kuntistabbli l-ġdid Luca Mifsud qal “Nixtieq inħeġġeġ lil sħabi biex dejjem nimxu mal-valuri tal-Korp tal-Pulizija ħalli waqt xogħlna nkunu ta’ servizz għal kull individwu mingħajr diskriminazzjoni.”
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li dan mhux xogħol kwalunkwe, iżda din hi karriera li l-Korp huwa kommess li jibqa’ jiżviluppa fi professjoni bi sħubija ma’ entitajiet oħrajn, inkluż l-Akkademja, l-Università ta’ Malta u entitajiet oħrajn, inkluż dawk barranin.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa qal “Lil dawn il-membri l-ġodda wassaltilhom messaġġ partikolari biex ikomplu jpoġġu l-komunità fiċ-ċentru tal-ħaddiema tagħhom, partikolarament il-vittmi li nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum biex inkomplu nkunu empatiċi ma’ dawn il-persuni.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal lill-kuntistabbli l-ġodda li l-ġurnata tal-ġurament mhijiex il-ġurnata tal-wasla, iżda l-bidu ta’ karriera ta’ ħafna sodisfazzjon u ħidma b’riżq il-komunità fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Il-Ministru Byron Camilleri qal “Fil-korp tal-Pulizija lqajna 40 membru ġdid. Tlabthom biex huma wkoll ikunu parti mit-tiġdid kontinwu, li għaddej bih il-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar snin u li se jkompli fis-snin li ġejjin.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, Karen Galea, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Akkademja, il-Professur Raymond Mangion, u d-Direttur tal-Istudji, il-Kaptan Reuben Lanfranco.