“In-nies kienu jistaqsuni kif nistgħu ngawdu din il-villa u issa l-Kalkariżi se jkollhom dan l-aċċess.”
Din kienet ir-reazzjoni pożittiva tas-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, mal-mikrofonu ta’ ONE News għar-restawr li qed isir f’Villa Portelli b’investiment ta’ tliet miljun ewro.
Din il-villa storika, mibnija fis-Seklu 18, qed isirilha xogħol ta’ restawr minn Heritage Malta biex tkun tista’ tibda titgawda mill-pubbliku.
Ix-xogħol li qed isir se jgħin biex il-pubbliku jgawdi l-villa mingħajr ħlas, mhux bħala sempliċiment mużew, iżda wkoll fejn tiġi offruta esperjenza fuq diversi temi marbutin mal-wirt kulturali u anke tingħata viżibilità virtwali lill-wirt storiku wiesa’ li għandu pajjiżna taħt il-baħar.
Aquilina qal kif il-komunità laqgħet dan ix-xogħol b’mod pożittiv ferm li l-Gvern ċentrali, permezz ta’ Heritage Malta, se jkunu qed jirrestawraw Villa Portelli. Tenna li din il-villa hi post sinonimu mal-Kalkariżi kollha u issa jistgħu jgawdu dan il-post b’mod edukattiv u kulturali.
Is-sindku tal-Kalkara qal “Mill-att ta’ komunità, il-Kalkariżi kuntenti li issa se jkollhom aċċess għal din il-villa li tant hi għal qalbna. Fil-fatt kienu jistaqsuni, anke bħala Sindku, imma din il-villa kif nistgħu nidħlu fiha, kif nistgħu ngawduha aħna wkoll. U allura issa permezz anke tal-ispazji, permezz tal-ġonna u l-ispazji pubbliċi tagħha, il-Kalkariżi u l-komunità tkun tista’ tgawdi din il-villa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-post nhar it-Tnejn u fisser li dan ix-xogħol, li qed isir frott deċiżjoni tal-Kabinett li jgħaddi għand Heritage Malta, kien importanti biex il-patrimonju ta’ pajjiżna mhux biss jitħares, iżda jitgawda mill-familji u joffri esperjenza edukattiva f’ambjent sabiħ.
Il-ġnien mal-villa, li hu kbir aktar minn erba’ tomniet, ukoll se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku fi spazju aħdar ieħor miftuħ li jservi ta’ rilassament għall-komunità u għal attivitajiet edukattivi.
Din il-villa fil-Kalkara fi żmien l-Ingliżi kienet ir-residenza tal-Ammiral. Hawnhekk Heritage Malta mistennija wkoll toffri esperjenza lill-viżitaturi fejn ikollhom l-opportunità jsegwu restawr ta’ dgħajjes tradizzjonali.